L-Evanġelju tas-Sibt 14 ta’ April 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 6, 16-21

Is-simboliżmu ma jiqafx. Id-dixxipli donnhom bdew jaħsbu biex imorru lura lejn djarhom. L-esperjenza tat-tkattir tal-ħobż kienet kbira u qawwija u x’ħin dalam iddeċidew li jinżlu minn fuq l-għolja u jerġgħu lura lejn mnn fejn kienu ġew. Ġesù jibqa’ waħdu fuq l-għoljiet u San Ġwann ma jgħidilniex x’baqa’ jagħmel hemm iżda li ma kienx mar jilħaqhom; baqa’ waħdu. B’xi mod din il-ġrajja tfakkarni fir-rakont ta’ Luqa f’kapitlu 24 tal-Evanġelju tiegħu meta jirrakkonta il-vjaġġ, u dak li ġara matulu, li Kleofa u sieħbu għamlu minn Ġerusalemm lejn x’imkien fit-triq ta’ Emmaus u lura lejn Ġerusalemm.

Id-dixxipli rikbu d-dagħajsa u sabu r-riħ kontrihom. Ma nafux jekk id-dgħajsa kellhiex qlugħ, iżd ajekk kellha ma setgħux jużawh u allura bdew jaqdfu għal sidirihom. Kontra r-riħ mhux faċli tinnaviga, trid saħħa biex taqdef, u għalkemm kienu nies b’saħħithom, l-għejja tal-ġurnata kienet bdiet tagħmel tagħha wkoll. Stadju fih daqs, bejn wieħed u ieħor, xi mija u sittin metru, mela kienu qadfu bejn 3 u 5 kilometri. L-għejja tal-ġurnata, żdiedet magħha l-għejja tal-qdif u x-xsewqa għall-irqad; xewqa biex il-jum jintemm malajr kemm jista’ jkun. Dak il-ħin raw lil Ġesù miexi fuq il-baħar. Ma nafux jekk kienx ġie dak il-ħin jew jekk indunawx bih dak il-ħin. Jipprova jilħaqhom biex jitla’ magħhom fuq id-dgħajsa.

Id-dixxipli ma għarfuhx. Beżgħu. L-ideja li d-dixxiplu ma jagħrafx lil Ġesù u jibża minnu mhix ġdida fl-Evanġelji. Insibuha ħafna drabi u kull darba Ġesù jgħid ħaġa waħda: la tibżgħux u hawnhekk iżid: jiena hu. L-istramberija tad-dixxipulat mhix faċli tkun aċċettata, lanqas mid-dixxiplu stess, għax li timxi wara Kristu tfisser li taċċetta li jiġri dak li ma jidhirx normali. Miraklu wiħed f’ġurnata kien diġa biżżejjed biex qanqal fishom stagħġib. It-tieni wieħed kien tal-biża’. Min jaf x’ħasbu li kien! Rawh miexi fuq l-ilma qiesu mhux hu. Qatt ma stennewha ħaġa bħal din, iżda Ġesù jkompli jissorprendihom, jurihom dak li ma kienux imdorrijin jaraw anke li għeleb il-qawwiet tan-natura u l-liġijiet tagħha.

X’ħin riedu jtellgħuh fid-dgħajsa, id-dgħajsa ħabtet mal-moll u l-vjaġġ intemm. Għal darb’oħra Ġesù juri lid-dixxipli li għal min jimxi warjah, il-mezzi tas-soltu mhumiex biżżejjed, il-qawwa ta’ Alla għandha l-ħila tgħaddi mingħajrhom għax dak li hu tal-bniedem mhux bilfors hu ta’ Alla.

Fil-Knisja ta’ wara Kristu rxoxt, f’kull żmien, ippruvat tgħix billi tadotta sistemi tal-bnedmin; mhux fi żmienna biss, iżda ma tul l-eżistenza kollha tagħha. Dawn il-mezzi qatt ma swew biex żammew id-dgħajsa fil-wiċċ titħabat mar-riħ u l-qawwa tal-elementi. Anzi meta l-Knisja għamlet tagħha s-sitemi tal-bnedmin, dejjem inħasset il-ħtieġa tat-tisfija tal-ħsieb u l-għarfien mill-ġdid tal-qawwa divina ta’ min waqqafha.

Fih biss, meta tagħrfu u ma tibżax minnu, li tasal fejn għandha tasal.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.