Nhar il-Ħadd 22 ta’ April, jiġi mfakkar Jum id-Dinja.

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ħadd 22 ta’ April, tiġi mfakkra Earth Day – Jum id-Dinja.

F’dan il-jum mad-dinja kollha jsiru attivitajiet favur l-ambjent bil-ħsieb li tinħoloq aktar kuxjenza ħalli kemm jista’ jkun nibżgħu għal din id-dar komuni tagħna, kif isejħilha l-Papa, u nkunu aktar sensittivi għal kull forma ta’ ħajja. Dan il-jum beda jiġi mfakkar fl-1970

Il-Kummissjoni Ambjent tixtieq li aħna wkoll nagħtu s-sehem żgħir tagħna mqar b’talba waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristija. Waqt li nħalli kull inizjattiva f’idejk, ippermettili nissuġġerilek talba li tista’ tiżdied mat-talb komunitarju għal tmiem il-ġimgħa li ġej. Din għandek issibha f’hemża separata fl-istess email.

Tista’ wkoll tingħad waħda mit-talbiet tal-Papa f’għeluq il-Laudato Si’, li wkoll issibhom hawn taħt …

Talba Nisranija mal-ħolqien

Infaħħruk, Missier, mal-ħlejjaq kollha tiegħek,
li ħarġu minn dirgħajk setgħana.
Huma tiegħek, u mfawra bil-preżenza tiegħek
u bil-ħlewwa tiegħek.
Tkun imfaħħar!

Iben ta’ Alla, Ġesù,
minnek inħalqu l-ħwejjeġ kollha.
Int issawwart fil-ġuf ta’ ommok Marija,
sirt parti minn din l-art,
u ħarist lejn din id-dinja b’għajnejn ta’ bniedem.
Illum int ħaj f’kull ħlejqa
bil-glorja tal-Qawmien tiegħek.
Tkun imfaħħar!

Spirtu s-Santu, li bid-dawl tiegħek
tmexxi lil din id-dinja lejn l-imħabba tal-Missier
u ssieħeb il-karba tal-ħolqien,
int ukoll tgħammar fi qlubna
biex tiġbidna lejn it-tajjeb.
Tkun imfaħħar!

Mulej Alla, Wieħed u Tlieta,
komunità tal-għaġeb ta’ mħabba bla tmiem,
għallimna nikkontemplawk
fil-ġmiel tal-univers,
fejn kollox ikellimna dwarek.
Qanqal fina għanja ta’ tifħir u gratitudni
għal kull ħlejqa li int għamilt.
Agħtina l-grazzja li nħossuna mwaħħda b’mod intimu
ma’ kulma jeżisti.

Alla ta’ mħabba, urina x’inhu postna
f’din id-dinja
bħala għodda ta’ mħabbtek
għall-ħlejjaq kollha ta’ din l-art,
għax lanqas waħda minnhom biss mhi minsija minnek.
Dawwal lil dawk li għandhom is-setgħa u l-flus
li ma jmorrux jaqgħu fid-dnub tal-indifferenza,
imma jħobbu l-ġid komuni, iwieżnu lid-dgħajfa,
u jieħdu ħsieb ta’ din id-dinja li fiha ngħixu.
Il-foqra u l-art qed jokorbu:
Mulej, bil-qawwa u bid-dawl tiegħek, agħżel lilna
biex inħarsu lil kull ħajja,
biex inħejju għal ġejjieni aħjar,
biex tiġi Saltnatek
ta’ ġustizzja, ta’ paċi, ta’ mħabba u ta’ ġmiel.
Tkun imfaħħar!
Amen.

Leave a Reply

%d bloggers like this: