Vanġelu (Ġw 15. 1-8): Fil-Vanġelu ta’ Ġwanni ma nsibux parabboli imma immaġini qawwijin li bihom joħroġ l-identita’ ta’ Ġesù.
-
- “Jien id-dielja vera.” Din stqarrija polemika għax tindika li hemm dwieli foloz. Il-poplu Lhudi kien jidentifika ruħu ma’ tina jew ma’ dielja. Int u dieħel fil-parti tas-Santwarju tat-Tempju kont tilmaħ għanqud għeneb kbir tad-deheb. B’dan riedu juru li huma, bħala d-dielja tal-Mulej, jagħmlu l-offerta tal-għemejjel tajbin tagħhom. Id-deheb hu l-metall l-aktar li jixraq lid-Divinita’. Anki s-sieq tal-Menora (lampier sebat idwal) kien jidher qisu biċċa dielja tixxeblek. Imma l-poplu Lhudi mhux dejjem wettqu opri tajba: “Il-Maħbub tiegħi kellu dielja…. Stennejt il-ġustizzja iżda minn flok sibt tixrid ta’ demm; stennejt is-sewwa imma smajt għajjat ta’ oppressjoni” (Is. 5). Għalhekk Ġesu issa qed jgħid: “Jien id-dielja vera, awtentika, ġenwina. Missieri hu l-bidwi: mhux jien l-anqas intom, imma Missieri. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott hi falliment.” “Fija” tfisser li Ġesu hu z-zokk prinċipali li minnu ħerġin il-friegħi. Dment li l-fergħa tibqa’ mwaħħla maz-zokk se tagħmel il-frott. Jekk siġra oħra, bħal kewba, ma tagħmilx frott, almenu miz-zokk tagħha jieħdu njam tajjeb għall-għamara. “Miz-zokk tad-dielja l-anqas xkaffa żgħira ma toħroġ” (Eż). Mela, jekk dielja ma tagħmilx għeneb, m’hi tajba għal xejn ħlief għall-ħruq.
- Għal-seba’ darbiet f’dis-silta Ġesu jinsisti li kull fergħa jiħtieġ li tagħmel il-frott. Il-messaġġ għalina llum hu li ma nkunux Insara tal-isem jew tal-paroli biss: “Mhux min jgħid ‘Sinjur! Sinjur!’ jidħol fis-Saltna tas-Sema imma min jagħmel ir-rieda t’Alla” billi jsarraf il-paroli f’fatti konkreti. Dan nagħmluh billi nħallu ‘l Ġesu jgħaddilna l-Ispirtu Qaddis Tiegħu, hekk kif iz-zokk prinċipali tad-dielja jieħu l-ilma mimli sustanzi mill-għeruq u jgħaddieh lill-friegħi, għax b’hekk biss ikunu jistgħu jagħmlu l-frott. Jekk fergħa tinqata’ minn maz-zokk l-ebda sustanzi ma jistgħu jgħaddu għal għandha, tinxef u ma tagħtix frott. Jekk ninqatgħu minn ma’ Ġesu aħna wkoll ma nkunux nistgħu nagħtu l-frott, għax “mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.”
- Sid id-dielja jieħu ħsiebha: (i) kull fergħa li ma tagħmilx frott jaqlagħha; (ii) kull fergħa bil-frott inaddafha, jiżborha, u jneqqiha mill-weraq nixfin. Dan ma jfissirx li l-Missier jibgħat l-infern lil min ma jagħmilx frott, imma jfisser il-premura li għandu li kull wieħed minna jagħmel opri tajba li huma l-inbid tal-ferħ u ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tagħna. Mingħajr dan l-inbid inkunu qed naħlu ħajjitna fix-xejn. Waqt li nkunu qed nipproduċu l-frott, dan se nagħmluh b’mod imperfett. Għalhekk il-Missier, fil-ħniena Tiegħu, se jibagħtilna kull għajnuna biex ineqqi dawn id-difetti tagħna, biex b’hekk l-inbid tagħna jkun ta’ l-aqwa kwalita u l-ferħ tagħna jkun kbir. X’jistgħu jkunu dawn id-diffetti jekk mhux egoiżmu, dgħufija, suppervja, kilba għall-flus, jew meta ma nkunux fidili għal kollox għall-kelma t’Alla. X’inhu l-imqass li bih il-Missier se jiżbor il-friegħi? Il-Kelma Tiegħu li hi “ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred ir-ruħ u l-ispirtu mill-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (1 Lhud). Hekk kif wieħed jitgħaxxaq meta jara dielja miżgħuda bl-għenieqed tal-għeneb, hekk il-Missier Etern jixtieq li n-nies kollha tad-dinja jitgħaxxqu meta jaraw l-opri tagħna tant tajbin iseħħu kuljum minna bħala membri tal-Knisja ta’ Kristu. “Hu għall-korrezzjoni tagħkom li Alla jidħol f’ħajjitkom anki jekk kull tant ikun hemm it-tbatija. Alla jqiskom bħala uliedu. Liema missier ma jwiddibx ‘l uliedu?” (1 Lhud). Bil-Kelma Tiegħu jippurifikana u jneqqi minna weraq u rimjiet niexfa li jfixkluna fl-atti tagħna ta’ mħabba. Kull tant ikollna nsofru biex ninqatgħu minn xi drawwa ħażina li nkunu rbatna qalbna magħha.
- “Ibqgħu fija, u jien nibqa’ fikom.” Dan il-verb “ibqa’” (oqgħod, għammar) jidher 40 darba fi Ġwanni. Meta ż-żewġ dixxipli tal-Battista saqsew lil Ġesu “Fejn toqgħod?” ma kinux qed isaqsu għall-indirizz imma “Min int? X’bi ħsiebek tagħmel? Fejn hi qalbek? Fejn sejjer? Qatt ma ltqajna ma’ wieħed bħalek.” Nieħdu ftit eżempji biex nifhmu aħjar. (i) Maħbub dejjem iġorr f’qalbu lill-maħbuba tiegħu, jiftakar fiha u jixtieq li, fejn ikun hemm hu, tkun hemm hi ukoll. Hi ‘tgħammar’ fil-qalb tiegħu fejn għandha post speċjali. Ġesu llum qed jgħidli: “Għammar fija u jien ngħammar fik.” (ii) Meta l-Lhud ħarġu mill-Eġittu, baqgħu marbutin mal-ħajja antika avolja din kienet fi skjavitu’. Kienet eħfef għal Alla biex joħroġ il-Lhud mill-Eġittu mill joħroġ l-Eġittu mill-qlub tal-Lhud. L-Eġittu baqa’ jgħammar f’qalbhom. (iii) Tarbija tgħammar f’ġuf ommha qabel titwieled, L-omm tgħaddilha l-ħajja, nutriment u emozzjonijiet. L-omm tkun moħħha biss li ma tagħmel xejn li jista’ jkun ta’ ħsara għat-tarbija. Ġesu jixtieq li jien ngħammar fih b’dan il-mod, u nħalli li Hu wkoll jgħammar fija b’dan il-mod. “Meta wieħed jingħaqad fi Krstu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid” (2 Kor 5). “Mhux aktar jien ngħix, imma Kristu qed jgħix fija” (Gal 2). Il-frott tad-dielja (il-Komunita’) jipprodoċieh l-Ispirtu ta’ Kristu. Importanti li jien inkun parti ħajja minn din id-dielja, għax il-frott tagħha se jitgawda minn kulħadd.
Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini
(NB P. Fernando Armellini huwa biblista)