L-Evanġelju tal-Ħadd 20 ta’ Mejju 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Ġw 15, 26-27; 16, 12-15

Miniex se nħallikom weħidkom għax intom ingħaqadtu miegħi. Nibgħat lid-Difensur u intom, miegħu tixhdu għalija. Id-Difensur huwa l-Ispirtu tal-Verità; fih m’hemmx qerq jew tgħawiġ, fih m’hemmx garanziji foloz jew ħolm u fantasiji; huwa l-Ispirtu ta’ Alla li jaf u jagħraf kollox, sa kull ħsieb moħbi u kull taħbita tal-qalb, l-Ispirtu tar-rejaltà tal-ħajja ta’ Alla.

Iktar kemm jersaq lejn it-tmiem ta’ dan id-diskors tiegħu Ġesù iwissi u jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu, jimlielhom qalbhom bil-kuraġġ huwa u jurihom ir-rejaltà iebsa li se jħabbtu wiċċhom magħha.

Se jħossuhom weħidhom meta jarawh jintemm fuq din l-art. It-tmiem fih innifsu, huma setgħu jobsruh għax kull bniedem jgħaddi mill-mewt, iżda l-kif dak it-tmiem kellu jseħħ qatt ma seta’ jgħaddilhom minn moħħhom. Ġesù jwiegħdhom li se jibgħat id-Difensur għax se jkollhom bżonn min jiddefendihom minnhom infushom, mill-moħħ magħqul tagħhom li m’għandux ħila jaqra daq li ma jidhirx mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dak lil-moħħ li għandu l-ħila jingħalaq fih innifsu u jibla kull ma jġarrab minħabba l-biża’ minn dak li jista’ jiġri, mill-eskulżjoni soċjali, mit-telf tal-kredibiltà. L-Ispirtu Difensur juri dak li l-bniedem imqarraq ma jasal qatt biex jara u jisma u jħoss.

Se jkunu mkeċċija mis-Siangogi. Is-Sinagoga ma kienetx biss il-bini fejn il-Lhud jitolbu, imma kienet il-qalba ta’ kull soċjetà Lhudija imxerrda mad-dinja magħrufa ta’ żmien Ġesù u anke ta’ żmien l-Evanġelista. Min hu mkeċċi mis-sinagoga huwa l-ħuta barra mill-ilma; soċjalment mejjet, mgħarraq fl-arja li biha jieħu n-nifs u jgħix min jinsab milqugħ fiha.

Min hu dixxiplu ta’ Kristu mhux aktar postu fiha, għax il-preżenza tiegħu hija skomda, meqjusa bħala theddida għall-ġid qarrieq ta’ dawk li jħaddnu u jqimu t-tradizzjonijiet miktuba jew ivvintati biex isalvaw ġildhom u jimlewhom sa jixpakkaw bis-setgħa fuq l-oħrajn, għall-ġid li jiġi mill-qerq, għall-wegħdiet ta’ prosperità illużorja u bla pedamenti. Il-biċċa l-kbira tat-tbatija tad-dixxiplu mhix ġejja mill-imħabba li huwa mitlub jgħix u jgħixha bil-ferħ, għax dik timlielu qalbu bil-hena fil-milja tagħha, iżda mir-rejazzjoni ta’ min iqisu b’theddida. Min jixtieq li n-nies iħobbu u jirrispettaw lil xulxin meta jaf l-s-setgħa tiegħu hija mibnija fuq il-mibgħeda u l-firda! Min iħobb u jirrispetta huwa dak li jriegħed mis-sisien foloz tagħha din il-mentalità. Din is-sinagoga tinsab barra mill-knisja iżda fiha wkoll.

Min hu dixxiplu ta’ Kristu hu mwissi li dan mhux jista’ jiġri, iżda se jiġri. U għalhekk l-emfasi biex min jemmen fih ikun ħaġa waħda. Aħna m’aħniex tas-sinagoga, u għalhekk jinħtieġ li nkunu komunità, mhux mibnija fuq dak li l-bniedem jara u jisma mingħand dawk li għandhom l-interess personali li jżommu s-sinagoga sħiħa, iżda mibnija fu ql-imħabba ta’ Alla li ssir tidher fl-imħabba li għandna lejn xulxin.

Meta nħarsu lejn kull sitwazzjoni ta’ saram bejn il-popli, nuqqas ta’ raġunament veru nindunaw li ġej mill-qerq miżrugħ fil-qlub li bnedmin oħra huma kontra tagħna, theddida għas-sigurtà u l-prosperità tagħna; dawk tilfu r-raġuni, għomja li għandhom il-sħieb li l-ġid li ma jhawdux huma ma ngawduhx lanqas aħna. Hekk jibdew il-konflitti bl-armi u bil-kliem li jesprimu il-moħħ dgħajjef li faċli jiġi nfluwenzat u mmanipulat. U dawn il-gwerer iwasslu għat-tmiem traġiku mhux ta’ min hu vittma tagħhom iżda ta’ min jaħseb li hu rebbieħ fihom.

Tinħasdux. Dan se jiġri. Dan qiegħed jiġri. U tasal is-siegħa, anzi issa hi, meta min joqtolkom jaħseb li jkun qiegħed jagħti qima lil Alla.

Iżda titħawdux għax intom kontu miegħi sa mill-bidu u bqajtu miegħi sal-aħħar.

Jekk id-dixxipli jħossuhom bla ħila biex jagħrfu rejaltà minn oħra u jhxdu għal dak li hu t-tajjeb, għal dik li hi l-verità, id-Difensur, dak li hu msejjaħ u mibgħut, jurikom kollox. L-Ispirtu ta’ Alla fil-qalb tal-bniedem jgħarraf dak li hu ta’ Alla lill-bniedem li jiqlgħu fih. Hu jgħallimkom kollox. Imma biex il-wegħda sseħħ, dak li jgħallem irid jintlaqa’ u jrid jingħax. Nitgħu nirċievu kull don perfett, iżda jekk dak id-don jinqafel fil-kexxun, kollox jibqa’ kif inhu, il-ħajja l-ġdida ma tibda qatt.

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.