In-Nunzju Malti fil-Korea dwar is-Summit bejn Trump u Kim Jong-un

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2018: In-Nunzju Appostoliku għall-Korea l-Arċisqof Mons Alfred Xuereb tkellem dwar is-summit bejn il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un. Huwa qal li l-laqgħa tal-bieraħ kienet waħda tassew storika u li l-Knisja hija mimlija tama u kunfidenza iżda wissa li għadna fil-bidu ta’ proċess twil ħafna.

Mons Xuereb kien qed jagħti intervista ma’ Vatican News u qal li n-nies tal-Korea u l-Knisja lokali kienu ilhom jistennew dawn l-avvenimenti tassew storiċi. Huwa ddeskriva s-summit bejn il-President Amerikan Donald Trump u l-mexxej tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong-un bħala laqgħa li mmarkat paġna importanti fil-bidu ta’ triq twila u iebsa lejn il-paċi. Fl-istess waqt, Mons Xuereb qal li qed iħossu tama kbira għaliex dan il-bidu kien wieħed pożittiv ħafna u tajjeb ħafna u kien hemm ċaqliq mir-retorika u kliem bħal nar u furja u l-qerda totali tal-Korea ta’ Fuq għal kliem aktar konċiljatorji li jitkellmu dwar il-paċi.

Huwa kompla jgħid li l-Knisja fil-Korea qed tgħix dawn l-avvenimenti b’fidi kbira u n-Nunzju ddeskriva kif il-Katidral Kattoliku f’Seoul qed ikun hemm talb speċjali għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni kull nhar ta’ Tlieta. Huwa qal ukoll li l-Isqfijiet Kattoliċi tal-Korea pproponew novena mis-17 sal-25 ta’ Ġunju biex isir talb għall-paċi, ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda fuq il-peniżola Koreana.

Fid-dawl ta’ dan is-summit storiku u l-klima aktar konċiljatorju li ħareġ minn dan, l-Arċisqof Xuereb qal li l-Knisja qed titlob għall-evanġelizzazzjoni tal-Korea ta’ Fuq.

Huwa żied jgħid li s-Santa Sede tixtieq toffri l-appoġġ tagħha għal kul inizjattiva favur id-djalogu u r-rikonċiljazzjoni u wkoll tieħu vantaġġ minn dan biex twassal l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù Kristu fil-Korea ta’ Fuq.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading