Liż-żagħżagħ il-Papa qalilhom li l-medjokrità ma tiswa xejn, jiswa biss tħassib bis-sens

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa 13 ta’ Ġunju 2018: Iż-żgħażagħ għandu jkollhom kilba għal ħajja awtentika u l-adulti għandhom jagħtu l-eżempju.  B’dan il-ħsieb, dalgħodu l-Papa Franġisku beda ċiklu ġdid ta’ katekeżi dwar il-Kmandamenti waqt l-udjenza ġenerali li saret fi Pjazza San Pietru.

Il-vjaġġ il-ġdid li beda llum il-Papa Franġisku, wara li nhar l-Erbgħa li għadda għalaq iċ-ċiklu dwar is-Sagramenti tal-inizjazzjoni nisranija, huwa dwar il-Kmandamenti.  Ir-riflessjoni tal-Papa bdiet mill-mistoqsija li ż-żgħażugħ għani jagħmel lil Ġesù dwar kif jista’ jikseb il-ħajja ta’ dejjem, il-ħajja sħiħa, bla tmiem, li tinsab minquxa f’kull bniedem.

Uħud iridu jaslu għal dan billi jinqerdu jiġru wara ħwejjeġ bla fejda.  Oħrajn jidhrilhom li aħjar jifgaw fihom dan l-impuls għax huwa perikoluż, qal il-Papa.

Madankollu, kompla jinnota hu u jindirizza l-aktar liż-żgħażagħ – l-akbar għadu tagħna mhumiex il-probelmi, kbar kemm huma kbar.  L-akbar periklu fil-ħajja hu l-ispirtu ħażin li naddattaw ruħna, li la hu manswetudni u lanqas umiltà, imma medjokrità u biża’.  Għalhekk iż-żgħażagħ m’għandhomx ikunu medjokri għax min hu medjokri hu mingħajr futur, ma jikbirx, ma jkollux suċċess.

Il-Beatu Pier Luigi Frassati, li kien żgħażugħ, kien jgħid li jeħtieġ ngħejxu, mhux inkampaw.  Il-medjokri jkampaw, imma min jgħix, jgħix il-ħajja bis-saħħa.  Nitolbu lill-Missier Ċelesti għaż-żgħażagħ tal-lum, eżorta l-Papa, sabiex itihom id-don li jimtlew bi tħassib bis-sens

Meta żgħażugħ jibqa’ bilqiegħda l-ġurnata kollha l-ġenituri jibdew jaħsbu li hu marid.  Iżda ż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu miklubin għall-ħajja awtentika, li ma jikkuntentawx b’ħajja mingħajr sbuħija; għax fejn tista’ tmur l-umanità jekk iż-żgħażagħ ma jkollhomx ideali?

Liż-żgħażugħ għani, issokta l-Papa, Ġesù jwieġbu bi kwotazzjoni mid-Dekalogu: dan hu proċess ta’ tagħlim għax jidher ċar li ħajjet dak ir-raġel hi nieqsa.  U l-passaġġ miż-żgħożija għall-maturità jseħħ eżattament meta aħna nibdew naċċettaw il-limitazzjonijiet tagħna.  L-eżistenza hi prezzjuża imma hemm verità li fl-istorja tal-aħħar sekli l-bniedem spiss irrifjutaha b’konsegwenzi traġiċi: il-verità tal-limitazzjonijiet tiegħu.

Għalhekk, iż-żgħażugħ għani kien jinsab fl-għatba ta’ qabża, fejn bniedem jinfetaħ għall-possibbiltà li jieqaf jgħix għalih innifsu.  Din hi l-proposta finali li jagħmillu Ġesù, mhux li jkun fqir, imma għall-għana veru: u jkollok teżor fis-sema.

Din hi l-isfida: li nsibu dak li hu oriġinali fil-ħajja u mhux il-kopja.  Ġesù ma joffrix ikel lest imma l-ħajja vera, imħabba vera, għana veru!  Kif jistgħu jimxu warajna fil-fidi ż-żgħażagħ, jekk jarawna mhedijin fil-medjokrità, fin-nofs qalb?

Kemm  hu ikraħ, osserva Franġisku, tara nsara ta’ nofs kedda, insara li jikbru sa ċertu punt u mbagħad qalbhom tiċkien, tingħalaq!  Hemm bżonn l-eżempju ta’ xi ħadd li jistedinni mmur aktar ‘l hinn, li nagħmel xi ħaġa aktar, nikber ftit ieħor.

B’dawn il-katekeżijiet li beda llum il-Papa għandu l-għan li jieħu f’idejh iż-żewġ twavel ta’ Mosè biex mill-illużjonijiet taż-żgħożija jgħaddi għat-teżor li għandna jistenniena fis-sema bil-mixja tagħna wara l-Mulej.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: