Ninvestu fi-żwieġ tagħna


Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap

zwiegKull min għandu rasu fuq għonqu u mhux daqstant aljenat li jdaħħal rasu fir-ramel qisu m’hu qed jiġri xejn, żgur li huwa konxju tal-kriżi li ż-żwieġ u l-familja fis-soċjetà tagħna huma għaddejjin minnha. Nixtieq li nkun aktar ċar fl-asserzjoni tiegħi: mhinix ngħid li ż-żwieġijiet f’Malta u Għawdex huma fi kriżi, imma li hemm numru konsiderevoli ta’ żwieġijiet li huma għaddejjin minn kriżi, ‘iva’ din hija realtà.

U L-KAWŻI GĦAL DAN HUMA DIVERSI

  • Fosthom it-tibdil mgħaġġel li qed isir fis-soċjetà qed jolqot l-aktar kolonna ndispensabbli tal-pajjiż. Tibdil mgħaġġel li m’aħniex ippreparati għalih. Tibdil li  qed ikompli jgħaġġel bl-influwenza tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali u anke għax għandna gvern li qed ikompli irewwaħ u jagħmel aktar faċli dan it-tibdil li bħala nsara – kattoliċi ma nistgħux ngħidu li kull tibdil fil-liġijiet li huma ħerġin mill-parlament Malti qed isaħħaħ iż-żwieġ u l-familja.
  • Kawża oħra hija l-fatt li ħafna mill-koppji ħutna Maltin u Għawdxin qed jitbiegħedu minn Alla u jaqgħu f’attitudni ta’ ħajja materjalista, fejn jgħixu daqslilkieku Alla ma jeżistix. U meta koppja miżżewwġga twarrab lil Alla, iż-żwieġ jidħol f’riskju ta’ falliment.
  • Ma nistgħux ngħidu li fis-soċjetà li qed ngħixu fiha m’hawnx ukoll kriżi ta’ valuri. U meta għandek kriżi fil-valuri mhux biss nsara / evanġeliċi imma anke dawk umani bħala konsegwenza jkollok ukoll kriżi fiż-żwieġ, kriżi fil-familja. Għaddejjin minn kriżi fil-valuri tas-sinċerità, tas-sagrifiċċju, tal-onestà, tal-fedeltà lejn il-persuna u lejn il-wegħdiet li nagħmlu, kriżi ta’ mħabba vera. U dan kollu qed naraw ir-rifless tiegħu fil-ħajja taż-żwieġ.

IŻ-ŻWIEĠ HUWA BĦAL QASRIJA…

U bħalma nieħdu ħsieb ta’ qasrija bil-għan li tibqa’ tgħix, tikber u tħalli l-frott hekk ukoll irridu nieħdu ħsieb iż-żwieġ tagħna. Il-qasrija, kull pjanta għandha bżonn ħamrija tajba, ilma regulari u dawl neċessarju. U iż-żwieġ x’għandu bżonn:

  • Nagħtu liż-żwieġ priorità fil-ħajja tagħna bħala koppja miżżewġa. Iż-żwieġ għandu jiġi wara Alla fil-ħajja tagħna. L-ewwel Alla għax nafu li ż-żwieġ ħalqu Alla, huwa sejħa minn Alla u jintħieġ li ngħixuh skont il-Pjan li l-istess Alla ħalaq sa mill-bidu għal kull żwieġ. Niskopru l-Pjan ta’ Alla għaż-żwieġ tagħna huwa s-sigriet tas-suċċess. Jekk il-miżżewġin, minbarra li jwarrbu lil Alla, jitraskuraw ukoll ir-relazzjonijiet ta’ bejniethom għax jippreferu jinvestu aktar ħin u enrġija lix-xogħol, lill-karriera, il-professjoni, lill-kunjata, saħansitra anke lit-tfal qed jgħixu ż-żwieġ tagħhom f’tarf ta’ rdum.
  • Ladarba qed nitkellmu mill-prioritajiet u għidna li fl-ewwel post dejjem għandu jkun hemm Alla mbagħad warajh iż-żwieġ tiegħi billi ninvesti fih kull ħin u enerġija, kull sagrifiċċju w impenn; fost dawn jinħtieġ li naħdmu ħafna sabiex inżommu KOMMUNIKAZZJONI ĦAJJA Irridu nagħmlu kull sforz sabiex bħala koppji miżżewwġa nżommu bejnietna kommunikazzjoni fuq kull livell, verbali u non-verbali, kommunikazzjoni sinċiera u transparenti, kommunikazzjoni mibnija fuq djalogu fejn iż-żewġ naħat għandhom id-dmir u d-dritt li jitkellmu, kommunikazzjoni bla maskri, komunikazzjoni fejn l-ingridjent prinċipali tagħa huwa il-’quality time’ aktar mill-’quantity time’ (jekk ikun it-tnejn flimkien tant aħjar), kommunikazzjoni mibnija fuq l-imħabba, il-fiduċja  u r-rispett.
  • Dimensjoni meħtieġa bil-għan li l-qasrija taż-żwieġ tagħna tibqa’ tikber u twarrad mingħajr skossi u problemi kbar hija dik li miż-żwieġ tagħna nibnu ‘ a healing community’. Li bħala koppja miżżewġa nkunu kapaċi inkabbru lil xulxin, infejjqu lil xulxin u ngħollu s-’self esteem’ ta’ xulxin. Fiż-żwieġ dejjem ser ikun hemm problemi, imma l-akbar problema hi meta ma nkunux nafu kif naffrontaw u nirbħu l-problemi li jinqalgħu anke bejnietna. Konflitti dejjem ser ikun hemm u għalhekk irridu nitgħallmu kif naffrontaw u nsolvu dawn il-konflitti. U dan iseħħ billi ż-żwieġ jiġi trasformat f’koppja / kommunità li kapaċi t-tnejn ifejjqu lil xulxin. U f’dan il-proċess ta’ fejqan it-tabib huwa l-Mulej Ġesù filwaqt li l-mediċina effettiva trid tkun il-maħfra, l-aċċettazjoni reċiproka u s-sabar (paċenzja).

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.