F’qalb il-Papa hemm id-drammi tad-dinja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn 23 ta’ Lulju 2018: Wara li temm it-talba tal-Angelus, nhar il-Ħadd 22 ta’ Lulju, il-Papa Franġisku għamel appell imqanqal ħafna sabiex il-komunità internazzjonali timpenja ruħha bla telf ta’ żmien biex tevita aktar traġedji fil-baħar.

F’qalb il-Papa hemm id-drammi tad-dinja u partikolarment it-traġedji li qed iħabbtu wiċċhom magħhom il-migranti, li spiss huma vittmi tat-traffikanti tal-persuni. Fi tmiem l-Angelus fakkar fl-aħħar nawfraġji tad-dgħajjes li seħħew fil-baħar Mediterran dawn l-aħħar ġimgħat.

Franġisku għamel appell qawwi lill-komunità internazzjonali biex tibda’ taħdem bla telf ta’ żmien u qal: Dawn l-aħħar ġimgħat waslu aħbarijiet drammatiċi ta’ nawfraġji ta’ dgħajjes fil-baħar Mediterran. Nesprimi n-niket kbir tiegħi quddiem dawn it-traġedji u niżgura lill-vittmi u lill-familjari tagħhom li nżommhom fi ħsiebi u nitlob għalihom.

Nagħmel appell minn qiegħ qalbi sabiex il-komunità internazzjonali taħdem b’determinazzjoni u minnufih, sabiex traġedji bal dawn ma jerġgħux jiġru, u sabiex tiggarantixiu s-sigurtà, ir-rispett u d-dinjità ta’ kulħadd.

L-isqfijiet Taljani wkoll, ftit jiem ilu, kienu għamlu appell sabiex quddiem id-dramm tal-eluf ta’ migrati li huma mġegħlin jaħarbu minn pajjiżhom biex ifittxu ħajja aħjar, ma nibqgħux b’idejna marbuta imma kull min għandu xi għamla ta’ responsabbiltà jara li ma jonqosx minn dmiru.

Ara t-test kollu bil-Malti flimkien ma’ filmat tad-diskors tal-Papa bis-sotto titoli …  http://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Angelus_22072018.htm

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: