L-Insara fl-Iraq, Quo Vadis?


Il-Ħamis 26 ta’ Lulju 2018: “IS ppruvaw jieħdu l-monasteru. F’Awwissu tal-2014 konna konvinti li kien se jirnexxilhom,” hekk stqarr l-Arċisqof Timotheos Moussa Al-Shamans, Abbati tal-Monasteru Sirjak Ortodoss Mar Matti, imwaqqaf fis-seklu 4 u wieħed mill-eqdem fid-dinja. Il-Patrijiet ħarbu, iżda malajr reġgħu marru lura wara li rkupraw mix-xokk li kienu ħadu. Mijiet ta’ refuġjati Nsara għexu magħhom xhur sħaħ – ftit kilometri f’linja diretta mill-agħar għedewwa tagħhom.

cover-christians-in-iraq-quo-vadis.jpg“IS qatt ma rnexxielhom jieħdu l-monasteru tagħna. Alla kien magħna.” It-trinek li kienu ħaffru l-ġellieda tal-IS fil-qiegħ tal-muntanji għadhom hemm. Dan huwa fejn il-ġellieda u l Peshmerga, il-forzi militari tal-Kurdistan Iraqi, ikkonfrontawhom għal aktar minn sentejn. Il-ġellieda tal-IS spiss kienu jisparaw lejn il-monasteru. Meta kien ikun il-maltemp, huma ppruvaw kemm-il darba jieħdu l-monasteru iżda ma rnexxielhomx għax kienu ibbumbardjati mill-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti. Mill-2016 ’l hawn irħula u bliet ġew meħlusa mill-IS, wieħed wara l-ieħor. Il-pjanuri tan-Nineveh ġew meħlusin ukoll. Il-monasteru m’għadux fil-periklu. Imma issa l-fidili x’qegħdin jagħmlu?

L-espressjoni fuq wiċċ l-Arċisqof Moussa isserjat. “Qabel ma waslu l-IS fl-2014, aktar minn 5,000 familja Kristjana kienu jgħixu fid-Djoċesi tiegħi. Illum, m’hemmx aktar minn 2300”. Moussa jissuspetta li dan jagħmel parti minn pjan akbar biex l-Insara jitkeċċew mil-Lvant Nofsani. “Kollox beda fl-1975 fil-Libanu u mbagħad kompla fl-Iraq, fl-Eġittu u fis-Sirja.” Madankollu, huwa jaqbeż fi kliem ieħor meta jiġi mitlub jelabora. Bi tweġiba għal stqarrija li kien għamel fil-ħarifa li għaddiet Mike Pence, il-viċi-president tal-Istati Uniti, dwar pjaniniet min-naħa tal-Istati Uniti biex tintbagħat għajnuna direttament lill-minoranzi ppersegwitati fl-Iraq, minflok ma tgħaddi nin-naħa tan-NU, l-Arċisqof Moussa xejjer idu. “Ma għandniex bżonn paroli. Ma ngħidlekx kemm il-ambaxxatur u politikanti mill-Punent kellimt s’issa. Aħna l-Insara fl-Iraq azzjoni għandna bżonn.”

Ir-reliġjuż jidher mixrub hu u jitkellem dwar il-laqgħat li kellu mal-gvern provinċjali Iraq u l-pulizija. Skont Moussa, ġie milqugħ mill-qalb u semgħu b’attenzjoni meta tkellem dwar l-inkwiet tal-komunità tiegħu. Imma ma ħareġ xejn ħlief kikkra kafè. “Il-paċi, is-sigurtà, l-impjiegi: mingħajrhom, ħadd m’hu lest li jibqa’ joqgħod hawn. Ma nistax neħodha kontra xi kap tal-familja jekk jagħżel li jfittex ġejjieni aħjar għalih u l-familja tiegħu f’pajjiżi oħra. Għalkemm aħna ma nirrakkomandaw l-emigrazzjoni lil ħadd, lanqas ma ngħidulhom biex jibqgħu. Din hija deċiżjoni personali”. Moussa jikkunsidra bħala possibbiltà definita li l-komunità Sirjaka Ortodossa tiegħu għad jiġi żmien meta tisparixxi. “Aħna darba kellna dar għaddejja tajjeb f’Tur Abdin fil-parti tan-Nofsinhar ta’ dik li llum hija t-Turkija. Li baqa’ llum ftit knejjes vojta. Dan jista’ jiġri hawnekk ukoll.” Huwa diġà qed iħoss il-problemi li se jsibu ma’ wiċċhom.” Mur Bartella u staqsi dwar il-Shabak.”

Il-jeep twassalna lura għat-triq kollha tidwir lejn il-pjanuri. Merħliet tan-nagħaġ qegħdin jieklu mill-art niexfa fuq iż-żewġ naħat tat-triq. Din is-sena, nixfa qawwija tathom inqas x’jieklu mis-soltu. Ikollna ngħaddu minn checkpoint tal- Kurdi biex nidħlu fil-partijiet ta’ l-Iraq ikkontrollati mill-gvern ċentrali f’Bagdad. Nibqgħu għaddejjin għal madwar 20 jew 30 kilometru mill-mużajk etniku tat-tramuntana tal-Iraq. Dan huwa fejn jgħixu t-Turkmeni, l-Insara, l-Għarab Sunni u Jażidi. U x-Shabak. F’dan il-grupp etniku kien stmat li kien hemm madwar 400,000 qabel l-2014. Ħafna minnhom kienu jgħixu fuq il-pjanuri tan-Nineveh. L-irħula li fihom jgħixu l-aktar Shia Shabak huma tabilħaqq umli u aktar mitluqa minn dawk ta’ gruppi bħalma huma l-Insara. Il-Shabak ukoll sfaw vittmi tal-mibegħda tal-IS. L-Istat Iżlamiku jżomm lill-Musulmani Shia, lir-Rafidin, “dawk li jirrifjutaw”, f’disprezz akbar minn dak kontra l-Insara. Iżda, b’kuntrast mal-Insara, -x-Shia għandhom ħbieb li għandhom is-saħħa. Mhux biss f’Bagdad, li huwa ddominat mill-politiċi Shia. Ayatollah Khamenei, il-mexxej suprem tal-Iran, ixejjer lill-poplu mill-billboards. Il-firxa tiegħu tasal sa hawn. L-ambaxxatur Iranjan diġà għamel żjara. Il-messaġġ: “Intom tistgħu sserħu fuqna.”

“Il-Shabak iridu l-art tagħna,” jgħid Abuna Jakob f’erba’ kelmiet qosra . “Din hija l-problema li jmiss.” Il-qassis tar-raħal Sirjak Ortodoss ta’ Bartella huwa neputi tal-Arċisqof Moussa. IS kienet il-problema fil-passat. “Jien kont l-aħħar persuna li tlaqt fl-2014, u kont l-ewwel persuna li ġejt lura”. Il-qassis tar-raħal ifakkar kif beda nieżel id-dmugħ minn għajnejh meta sema’ l-qniepen jerġgħu idoqqu. Abuna Jakob jdawwarna mal-knisja parrokkjali li għadha kemm ġiet rinnovata. Kollox jleqq f’abjad u deheb jiddu. Kappella maħruqa li tinsab fil-ġenb hija l-unika tifkira tal-jihadi. “Kienet profanata mill-IS. Qegħdin inżommuha bħala twissija”. Ir-raħal ġie meħlus mill-IS f’Ottubru 2016. Imma issa hemm il-problema tax-Shabak. Fl-1980, kien hemm biss żewġ familji Shabak fir-raħal, illum in-numru tagħhom jaqbeż l-20 fil-mija. U t-tendenza hija ‘l fuq. Il-qofol ta’ dan il-konflitt demografiku huwa li x-Shabak ikollhom ħafna tfal – u l-fatt li aktar Insara minn qatt qabel lesti biex ibiegħu l-art tagħhom bi prezz baxx. Il-Knisja qed tipprova żżomm lill-membri tagħha milli jagħmlu dan. Imma dawk li diġà użaw kull ma kellhom imfaddal biex jaħarbu, li diġà qed jgħixu barra l-pajjiż jew li jixtiequ jemigraw lejn l-Awstralja ħafna drabi m’għandhomx għażla oħra. L-imħabba għall-pajjiżu hija xi ħaġa li wieħed għandu jkun jista’ jiflaħ iħallas għaliha..

“Jiena qatt ma jien ser nbiegħ l-art tiegħi lix-Shabak,” Ibrahim jgħid b’mod riżolut. Il-bidwi ta’ 63 sena huwa liebes l-ilbies tradizzjonali li jintlibes mill-irġiel. M’għandux xagħra bajda la fil-mustaċċi u lanqas fix-xagħar folt tiegħu. Huwa jkabbar qamħ, ċiċri u ġirasol fuq art tal-familja tiegħu. Huwa għandu sebat itfal – ebda wieħed minnhom ma baqa’ fl-Iraq. “Qegħdin fit-Turkija u fl-Ewropa. Ngħidilhom il-ħin kollu li għandhom jirritornaw, iżda huma ma jridux jafu għax hawn m’hawnx xogħol u lanqas sigurtà”. Ibrahim m’għandu ebda illużjoni kbira f’dan ir-rigward. “F’għoxrin sena, m’hu se jkun baqa’ ebda Nisrani.” U madankollu, l-oppost jidher li qed iseħħ fil-mument. F’kull rokna u kantuniera, il-bini għaddej bla waqfien, il-ħsara li ħallew l-IS qed tiġi msewwija. Filgħaxija, il-kant akkumpanja l-mużika Għarbija li tindaqq fir-ristorant tar-raħal; Kebab u qali tat-tiġieġ fuq il-grill u ż-żgħażagħ jiltaqgħu flimkien, mimlijin ħeġġa. Kważi ħamest elef ruħ Nisrani reġgħu lura – u l-affarijiet reġgħu lura għall-mod kif kienu qabel.

“Dan kollu qed jiġi ġestit mill-Kumitat tar-Rikostruzzjoni ta’ Nineveh (NRC). Il-imħuħ wara r-rikostruzzjoni tar-reġjun Nisrani għandhom il-kwartjieri ġenerali fil-belt ġirien ta’ Baghdeda, li tinsab ftit kilometri aktar fil-fond fil-pjanuri tan-Nineveh. L-Ottomani sejħu lill-belt Qaraqosh, l-Għarab jgħidu Al Hamdaniya, u fil-lingwa Aramajka tal-Insara mwielda din-naħa, huwa Baghdeda. Qabel l-2014, Baghdeda kienet l-akbar belt Nisranija fl-Iraq. Madwar 50,000 ruħ għexu hemm. Il-persentaġġ tal-Insara: 97 fil-mija. Agrikoltura – tkabbir tal-qamħ u trobbija tat-tjur – ħolqot għajxien komdu lin-nies li kieni jgħixu hemm, primarjament is-Sirjani Kattoliċi Insara. It-traċċi ta’ dan jinsabu kullimkien, ukoll jekk issa ma fihomx x’tara. Nibqgħu għaddejjin mit-toroq imħarbta lejn l-uffiċċju prinċipali tan-NRC. “Ahlan Wa sahlan,” jew, merħba, jgħidilna Patri Georges Jahola u jxejrilna biex nidħlu fl-uffiċċju tiegħu. Il-qassis Kattoliku Sirjak jurina mapep, tabelli u ritratti mill-ajru tal-belt tiegħu. “Aħna qed nibnu mill-ġdid art twelidna. Hija l-unika waħda li għandna. L-insara jgħixu f’Bagdad, Basra u Kirkuk. Imma dan huwa l-uniku reġjun li huma jistgħu verament iqisuh bħala d-dar tagħhom. Jekk nitilfuh, aħna ma nkunux tlifna biss la-rt u d-djar: inkunu tlifna l-identità tagħna. “Il-qassis huwa assistit minn grupp ta’ inġiniera u żgħażagħ li jgħinu biex jirreġistraw lis-sidien li qed jitolbu għajnuna. “Għandna aktar minn 7,000 dar fil-belt tagħna. Qassamnihom fi tliet gruppi: “fihom ftit ħsara, b’ħafna ħsara u meqruda.” Mhux id-djar kollha ġew meqruda jew iddanneġġjati mill-IS. Ħafna kienu bil-ħsara meta l-belt kienet liberata mill-IS. Oħrajn iġġarrfu wara li kienu mitluqa għal ħafna snin. Kważi kollha kienu misruqa minn kullma kien hemm fihom mill-IS u l-abitanti tal-irħula Musulmani tal-madwar. Biex inaqqsu mill-ispejjeż u jagħtu x-xogħol lin-nies is-sidien tad-djar qed ikollhom ixammru l-kmiem u jħallsu minn buthom għal terż mill-ispiża, jekk dan hu possibbli. Il-finanzjament huwa approvat biss għal dawk li attwalment qed jgħixu fid-djar tagħhom. “Ħafna nies bdew jerġgħu lura mil-Libanu u mit-Turkija,” Patri Jahola huwa kuntent jistqarr dan. “In-nies tagħna għall-ewwel kienu jgħidu ‘l-ewwel sikurezza, mbagħad aħna nerġgħu niġu’”. Jien weġibthom: “Iktar ma jkun hemm fostkom li jiġu lura, iktar tkunu tistgħu tipptoteġu lil xulxin”. “Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ is-sigurtà u l-impjiegi, Patri Jahola jaf li d-djar weħidhom ma jistgħux jiggarantixxu li mat-tul taż-żmien ħafna Insara se jbqgħu hemm. “Iżda kieku ma kienx għad-djar, diġà ma kien ikun hemm ħadd..”

Ir-rikostruzzjoni hija possibbli biss għaliex l-organizzazzjonijiet Insara – Aid to the Church in Need (ACN) minn ta’ quddiem – qed jikkontribwixxu miljuni f’donazzjonijiet. L-istat Iraqin jeżisti hawn biss fuq il-bandiera u fuq il-passaporti. “Il-gvern m’għandu l-ebda flus u għand prioritajiet oħrajn. Ħadd minnhom ma juri l-wiċċu hawnhekk. Konna nkunu mitlufin li kieku ma kienx għall-Insara fil-Punent”, jgħid Patri Jahola, filwaqt li jesprimi l-gratitudni tiegħu. Aimery de Vérac jieħu pjaċir jisimgħu jgħid hekk. Dan il-Franċiż jaħdem bħala intermedjarju għal ACN u ilu jgħix fl-Iraq dawn l-aħħar ftit snin. “Ngħinu lin-nies jagħmilni kuntent ħafna. Huma jħobbu art twelidhom. Aħna kommessi li nkunu trasparenti u nuru kollox x’qed isir. Nistgħu nagħtu kont għal kull dollaru li nonfqu “. Skont dan il-Franċiż, aktar minn 8,700 familja ġew sadanittant lura fil-pjanuri tan-Nineveh u aktar minn 4,300 dar ġew ristawrati u n-nies jistgħu joqogħdu fihom. Kull darba li dar tkun tlestiet, ACN tagħti lis-sidien siġra taż-żebbuġ. Din ix-xitla biblika qed tingħata bħala simbolu ta’ tama u tal-ġejjieni.

Rabah irċieviet wkoll siġra żgħira. Fl-età ta’ bejn ħamsin u sittin sena, Rabah għandha tlett itfal. Hi u r-raġel tagħha oriġinarjament ġew minn Mosul. Huma ħarbu minn hemm għal Baghdeda fl-2006, wara li binhom u neputi kienu mhedda mill-Islamisti. In-neputi ġie maħtuf, iżda binhom irnexxielu jisgiċċa. Madankollu, l-Islamisti waslu f’Baghdeda mal-IS fl-2014. Il-familja reġgħet ħarbet. Wara snin jgħixu bħala rifuġjati fl-istat ġirien tal-Kurdistan Iraqi, il-familja issa ilha lura f’darhom sa minn Lulju 2017. “Il-karozza tagħna, id-deheb tagħna: infaqna dak kollu li kellna. Kieku Baghdeda ma kinitx meħlusa ma nafx x’kien isir minna,” tgħid Rabah. Fortunatament, id-dar tagħhom ftit ġarrbet ħsara, ħlief xi ħsara żgħira ’l hawn u ’l hinn. U mmin din il-ħsara xejn m’għadu jidher. Iżda l-feriti huma fil-fond. “Ir-raġel tiegħi u jien se nibqgħu fl-Iraq, jekk Alla jrid. It-tfal tagħna hekk jixtiequ wkoll. Imma dawn m’għandhomx xogħol. U wisq nibża li l-istess ħaġa għad terġa’ sseħħ, li l-IS għad jerġgħu jiġu.”

Oliver Maksan – ACN UK

Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Louis Spiteri

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.