18 – Inpattihielu!


Xi għorrief u nies spiritwali indunaw li meta aħna jkollna bżonn nitgħallmu xi ħaġa, ningħataw id-diffikultajiet li għandna bżonn.

Huma ndunaw li l-kuntlarjetà hija l-għalliema tajba tagħna. Tajjeb għalhekk li nindunaw xi tkun qed tipprova tgħallimna, din l-għalliema, meta l-affarijiet ma jiġux kif irriduhom, jew meta xi ħadd jagħmlilna azzjoni ħażina, u nħossu ġibda jew leblieba biex inpattuhielu.

Minn fejn ġejja l-ġibda lejn it-tpattija?

Il-“jien” tas-soltu tagħna huwa miġbud mir-rieda (a) li nħossni li niswa’, sigur, u sod fija nnifsi (jiġifieri li ma jkollix insigurtà); (b) li nkun irrispettat; (c) li inkun setgħani. Jekk naħsbuha ftit, naraw li, minn dawn it-tlett ġibdiet, joħorġu s-sentimenti tqal: 1. l-għira, 2. l-umiljazzjoni, 3. il-weġgħa, u 4. s-sens ta’ telfa. Għira, meta xi ħadd narah aktar sod jew irrispettat jew setgħani minni.  Umiljazzjoni, meta xi ħadd iwaqqagħni għaċ-ċajt, iġiegħelni nistħi u għalhekk inħoss li ma nistax inkun sod fija nnifsi u irrispettat. Sens ta’ telfa, meta xi ħadd jeħodli xi ħaġa u għalhekk … (din tista’ tkompliha inti.)

Meta nħossu dawn is-sentimenti, forsi rridu nwaħħlu f’xi ħadd, u nirrabjaw. Ir-rabja x’aktarx tiġi meta ma nistax nilħaq il-bżonnijiet emozzjonali tiegħi. U forsi minn dan it-twaħħil u din ir-rabja toħroġ il-ġibda lejn it-tpattija, ġibda ta’ minn meta konna tfal ta’ sitt snin.  It-tfal żgħar jaħsbu “Min iweġġagħni jeħtieġli nweġġgħu!”

Dan huwa l-ħsieb, jekk tista’ tgħidlu ħsieb, ta’ għajn għal kull għajn u sinna għal kull sinna. Kif kien jgħid il-lider magħruf Amerikan Martin Luther King, dan il-ħsieb iwassal għal dinja tal-għomja u ta’ bla snien.

Iżda mhuwiex il-ħsieb li jmexxi l-ġibda lejn it-tpattija.  Huma l-emozzjonijiet – is-sentimenti li semmejna – u l-mod kif inħalluhom ikaxkruna.

X’jiġrilna meta npattu?

Minn riċerka interessanti* xjentifika naraw li min ma jpattix, wara jħossu aħjar milli jħossu dak li jpatti.   Ukoll, min ipatti, qabel ma patta kien mingħalih ser iħossu tajjeb wara li jpatti.  Imma fil-fatt, skont ir-riċerka, min ipatti jħossu ħażin, wara.   Ukoll, dawk li ma jpattux jinħelsu minn ġewwa aktar malajr.  Iżda dawk li jpattu jdumu ħafna (wara li jpattu) marbutin bil-ktajjen ta’ mrar u dwejjaq u thewdin.

Konfuċju, għalliem u filosfu Ċiniż magħruf tal-antik, kien qal “qabel ma taqbad it-triq tat-tpattija, l-ewwel ħaffer żewġ oqbra.”  Qabar wieħed għal dak li ser tweġġa’ bit-tpattija… u qabar ieħor għalik!

U dan biex ma nsemmux ukoll il-fatt li dik il-persuna li pattejtilha tal-azzjoni ħażina tagħha naturalment ser tipprova tpattilek għat-tpattija tiegħek. U l-imrar ikompli. Din tat-tpattija żgur mhix it-triq tal-ferħ u s-sliem.

U Minflok it-Tpattija?

Ma nżommx f’qalbi? Iva, imma aħdem ukoll sabiex il-kuntlarjetà, bħall-azzjonijiet ħżiena ta’ ħaddieħor, tweġġgħek inqas u inqas. Kif, dan?

Idra induna bir-rabja fik meta jagħmlulek azzjoni ħażina.  L-aħjar kieku jirnexxilek tinduna b’dir-rabja fik bla kundanni u ġudizzji ta’ ħadd u ta’ xejn. Trid ħafna prattika biex tkun kapaċi tagħmel hekk! Imbagħad, induna minn fejn ġejja (ġewwa fik) din ir-rabja. Probabbli ġejja, kif għedna, minn sentiment bħal 1. għira, 2. umiljazzjoni, 3. weġgħa, jew 4. sens ta’ telfa. Liema?

Idra ifhem, dak is-sentiment (1, 2, 3 jew 4) li għandek, mil-liema mit-tlett ġibdiet tal-jien tas-soltu ġej. Ġej (a) għax irrid inkun inħossni niswa’, sigur, u sod fija nnifsi?  Jew dak is-sentiment ġej  (b) għax irrid inkun irrispettat? Jew (c) għax irrid inkun setgħani? Ikteb xi skoprejt. Dan il-ħsieb diġà jneħħi ħafna mill-ġibda għat-tpattija, u jgħinek ukoll tirrabja inqas, tifhem lilek innifsek, u ssir sid tiegħek innifsek.

Dan il-metodu ngħidulu “il-Metodu li Tara u Tifhem.”  Jekk tużah, naħseb li tifhem x’qed tgħallmek dik l-għalliema għarfa li jisimha il-Kuntlarjetà!

Forsi tinduna, b’dan il-metodu, li għandek xi bżonnijiet speċjali li qatt ma ġew moqdijin, sa mit-tfulija jew minn xi żmien ieħor fl-imgħoddi.  Umiljawk il-ġenituri? Weġġgħek xi ħadd fit-tfulija? …  Diġà pass kbir, li tinduna.  Issa, aħdem fuq dan fik innifsek, forsi ma’ ħabib/a matura u kalma. U jekk hemm bżonn, fittex għajnuna minn xi għaqda jew professjonist.

Naħfer?  Bla dubju!

Insir aktar spiritwali? Iva!  Għal dawk li jimxu wara Ġesù u jafdaw f’Alla, forsi diġà jafu jgħixu.  Jekk inti m’intix waħda jew wieħed minn dawn, aqra, isma’, tkellem, u ifhem spiritwalità tal-adulti. Forsi mhux biżżejjed dak li tgħallimt meta kont tifla jew tifel tal-iskola.

Bil-mod-il-mod tibda tinduna li inti m’intix biss il-jien tas-soltu, separat minn ħaddieħor, bl-istorja ta’ dak li ġralek u l-ħsibijiet u s-sentimenti tiegħek. Bil-mod-il-mod tibda tinduna li il-ġenetika spiritwali tagħna mhix separata minn ħaddieħor!  Minn dak il-punt ‘il quddiem, kollox jibda bil-mod jaqa’ f’postu. Tidħol il-mogħdrija. U t-tpattija ma tiġix f’qalbek. Bilkemm tfeġġ f’moħħok!

Jekk taħseb li tassew ma tistax tkampa waħdek mal-uġigħ, biża’, rabja, niket u riżentimenti kbar tiegħek, fittex l-għajnuna minn xi ħabib għaqli kalm u matur, jew minn xi servizz professjonali. Jekk għandek bżonn, ngħinuk fis-Servizz ta’ Ħelsien Emozzjonali, St Jeanne Antide Foundation, tas-Sorijiet tal-Karità f’Ħal Tarxien. http://www.antidemalta.org . Facebook: Fondazzjoni St Jeanne Antide . Ikteb sjafngo@gmail.com jew ħal appuntament għal dan is-servizz li huwa bla ħlas: 2767 2367 jew 2180 9011.

Inpattihielu

L-artikli kollha f’din is-Sensiela tista’ tniżżilhom minn www.antidemalta.org/efs-books

(*) Carlsmith, K. (May 2008) Journal of Personality and Social Psychology, (Vol. 95, No. 6).

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.