Il-laqgħat dinjin tal-familji, 25 sena ta’ rigali lill-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd 12 ta’ Awwissu 2018: Fl-okkażjoni tal-Laqgħa Dinjija tal-Familji li se ssir f’Dublin kważi 25 sena wara l-ewwel waħda li kienet saret f’Ruma fuq xewqa tal-Papa Ġwanni Pawlu II, l-aġenzija Vatican News ġabret fil-qosor l-istorja tal-avveniment li sar fil-preżenza ta’ tliet Papiet: Ġwanni Pawlu II, Benedittu XVI u Franġisku

Il-Ħadd 6 ta’ Ġunju 1993, Pjazza San Pietru kienet maħnuqa bil-familji miġburim hemmhekk mill-Moviment tal-Fokolarini għall-Family Fest.  Ġwanni Pawlu kien qed jiċċelebra l-quddiesa tat-tmiem tal-laqgħa u ħa l-okkażjoni biex jagħti aħbar importanti.  Fl-okkażjoni tas-sena tal-familja mnedija mill-Ġnus Magħquda tul l-1994, il-Knisja Kattolika kienet se tiċċelebra wkoll Sena tal-Familji.  Il-qofol kellu jkun il-Laqgħa Dinjija tal-Familji li kellha ssir f’Ruma bejn it-8 u d-9 ta’ Ottubru, 1994 bit-tema: Il-Familja: ir-ruħ taċ-ċiviltà tal-imħabba”.

Bħalma kien fil-każ tal-Jiem Dinjin taż-Żgħażagħ, din kienet intuwizzjoni profetika oħra ta’ Karol Wojtyla.  Dublin se tkun belt oħra li tospita dil-laqgħa li saret darbtejn f’Ruma, f’Rio de Janeiro, f’Manila, f’Valencia, fil-Belt tal-Messiku, f’Milan u Filadelfja, bliet fi tliet kontinenti: L-Ewropa, l-Asja u l-Amerika.

Qabel l-ewwel laqgħa, Ġwanni Pawlu kien ħareġ għadd ta’ dokumenti wara li fl-1981 kien tana l-Enċiklika Familiaris Consortio dwar iċ-ċentralità tal-familja.  Fi Frar tal-1994 kien kiteb  ittra twila lill-familji li fiha qal li hemm urġenza li tinbena ċiviltà ta’ mħabba mibnija fuq il-familji.

Waqt il-laqgħa ta’ Ottubru kien talab lill familji biex jiddixxernu dwara l-identità u l-missjoni tagħhom.  Matul is-sena l-Papa Pollakk kien kiteb ittra lit-tfal u ddedika l-Messaġġ tal-Jum Dinji tal-Paċi lill-familja.

Tliet snin wara, Ġwanni Pawlu kien laqqa’ lill-familji kollha tad-dinja fil-Brażil bejn l-4 u l-5 ta’ Ottubru bit-tema: Il-Familja: rigal u impenn, tama tal-umanità.  Tliet snin oħra u reġa’ ġabar lill-familji f’Ruma fil-qafas tal-Sena tal-Ġublew fejn it-tema kienet: it-tfal huma r-rebbiegħa tal-familja u tas-soċjetà.  Nhar l-14 ta’ Ottubru, 2000 Ġwanni Pawlu II kien tkellem dwar il-kriżi tal-familja u stqarr li l-Knisja tħossha fid-dmir li minflok tgħaddi ġudizzju iebes tipprova tidħol fil-pjagi ta’ tant drammi umani fid-dawl tal-Kelma t’Alla.

Tliet snin wara, il-laqgħa saret f’Manila bit-tema: il-familja, aħbar tajba għat-tielet millennju.  Il-Papa ma setax imur personalment u indirizza lill-miġemgħa permezz tat-televiżjoni.  Kien afferma li l-familja mibnija fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara hija patrimonju tal-umanità

L-għada, waqt l-Angelus Ġwanni Pawlu kien ħabbar li l-laqgħa li kien imiss kienet se ssir fil-belt ta’ Valencia.  Però għal dik il-laqgħa kien mar is-suċċessur tiegħu Benedittu XVI li kien tkellem dwar it-trasmissjoni tal-fidi mibdija mill-fuklar domestiku, li jikber u jissaħħaħ bit-talb u l-pratikka nisranija.

F’Jannar tal-2009 il-laqgħa tal-familji saret fil-Belt tal-Messiku fix-xahar ta’ Jannar.  Did-darba wkoll, il-Papa ma kienx preżenti personalment iżda indirizza direttament lill-familji permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, bit-televixin.  Benedittu kien tkellem dwar il-familja bħala għajn ta’ formazzjoni umana u nisranija, u wissa li għandna noqgħodu attenti li ma ninqabdux fix-xibka tal-kunċett tal-libertà falza u l-attentat sekularista li ma jaċċettax li ż-żwieġ ma jistax jinħall.

Il-laqgħa ta’ wara reġgħet lura lejn l-Ewropa, fil-Belt ta’ Milan, bit-tema: il-familja, ix-xogħol u l-jum tal-mistrieħ.  Benedittu XVI kien qal li jħoss għall-familji li sseparaw u żied li hu kompitu tal-parroċċa, tal-komunità kattolika, biex jaraw li dawn il-familji fi kriżi jħossuhom maħbubin u aċċettati.

Bil-Papa Franġisku, dawn il-laqgħat saru parti mill-mixja Sinodali fil-qafas tal-pastorali mġedda tal-familja tal-maġisteru tiegħu.  Il-laqgħa ta’ Filadelfja fl-2015 saret wara s-Sinodu straordinarju dedikat lill-familji li sar fl-2014 u xahar biss qabel is-Sinodu ordinarju dedikat lill-vokazjzoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fid-dinja tal-lum.

Ġo Filadelfja Franġisku saħaq li l-ħolma ta’ Alla għadha sseħħ fil-koppji li għandhom il-kuraġġ li ħajjithom jagħtuha lill-familja, filwaqt li ammetta li l-isfidi tal-lum huma bosta u l-problemi kibru ħafna.  Imma, bl-istil tipiku tiegħu, Franġisku qal li għandna nkunu pożittivi dwar il-kontribut li l-familji jistgħu jagħtu lill-Knisja u lis-soċjetà filwaqt li dawn għandhom ikunu ta’ għajnuna għall-Knisja u jkunu “profetiċi” għall-umanità miġrugħa, profeti tal-paċi, tat-tenerezza u tal-imħabba.

It-tema tal-laqgħa f’Dublin se tkun propju l’imħabba fil-familja u lill-Papa Franġisku se ttih l-okkażjoni biex jirrifletti aktar fil-fond u jaqsam mal-parteċipanti l-kontenut tal-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali Il-Ferħ tal-Imħabba.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: