Ser tibda l-laqgħa internazzjonali tal-familji fl-Irlanda


Il-Ġimgħa 17 ta’ Awwissu 2018: Il-familja għadha tkun aħbar tajba għad-dinja tal-lum? Dil-mistoqsija qed jagħmilha l-Papa Franġisku lill-ġenituri, ulied u nanniet minn madwar id-dinja kollha li bejn il-21 u s-26 ta’ Awwissu se jiltaqgħu f’Dublin, l-Irlanda għad-IX Laqgħa Dinjija tal-familji.

wmfoFl-ittra mibgħuta f’Marzu li għadda li biha nieda dil-laqgħa l-Papa Franġsiku afferma li l-familja għadha aħbar tajba għad-dinja għax il-pedament tagħha hu msejjes fuq il-blat samm tal-pjan t’Alla.

Fl-ittra mibgħuta lill-Kardinal Kevin Farrell, Prefett tad-Dikasteru tal-lajċi u l-Familja, il-Papa jawgura li l-laqgħa ta’ Dublin tkun okkażjoni biex il-parteċipanti jidħlu aktar fil-fond tal-Eżortazzjoni Appostolika “Il-Ferħ tal-Vanġelu”, dokument li hu ċ-ċentru tal-laqgħa li għandha t-tema “Il-Vanġelu tal-Familja, ferħ għad-dinja”.

Din it-tieni laqgħa tal-familji ma’ Franġisku, wara dik ta’ Filadelfia fl-2015, se tibda fil-21 ta’ Awwissu fid-djoċesijiet kollha tal-Irlanda fejn se jkun hemm familji ġejjin minn 116-il pajjiż minn madwar id-dinja. Bejn it-22 u l-24 ta’ Awwissu se jsir il-Kungres Pastorali li jinkludi dibattiti, diskussjonijiet, testimonjanzi u wkoll programm sħiħ ta’ attivitajiet għall-adoloxxenti u t-tfal.

Is-Sibt 24 tax-xahar se jsir il-festival tal-familji fil-preżenza tal-Papa Franġisku fejn mistennija jieħdu sehem mat-80, 000 ruħ. Il-Ħadd, imbagħad, il-laqgħa tintemm b’quddiesa mill-Papa fejn hu mistenni li jkunu preżenti man-nofs miljun ruħ.

Il-Knisja lokali kollha qed tistenna ż-żjara tal-Papa 40 sena wara l-aħħar waħda fl-Irlanda li saret fl-1979 minn San Ġwanni Pawlu II. Il-Knisja Irlandiża se jkollha l-appoġġ ta’ madwar 10,000 volontarji.

L-arċisqof ta’ Dublin Mons. Diarmuid Martin qal li mhix ħaġa ħafifa torganiżża avveniment mondjali li fih ikun preżenti wkoll il-Papa, aktar u aktar li dil-laqgħa trid tħalli t-timbru tagħha fuq is-soċjetà moderna u turi kemm il-familja hija importanti għall-futur tal-Irlanda…. u tad-dinja kollha.

Il-kungress pastorali li fih se jieħdu sehem ukoll mas-6,000 żgħażagħ taħt it-18-il sena, se jkun okkażjoni biex isiru diskussjonijiet dwar iċ-ċentralità tal-familja fid-dawl tal-”Amoris Laetitia” fosthom it-trasmissjonni tal-fidi, l-isfida tat-teknoliġiji l-ġodda, il-konsegwenzi tal-kunflitti familjari fuq it-tfal.

Se jsiru diskussjonijiet ukoll dwar ir-rwol tal-mara fuq livell globali u lokali, l-akkoljenza tal-omosesswali fil-parroċċi, il-kontribut li tagħti l-familja għall-iżvilupp sostenibbli u r-rwol tal-iskola u tal-formazzjoni edukattiva biex jingħeleb il-faqar.

Se tkun ta’ tifsir kbir għal dal-pajjiż li għadda minn tbatija kbira minħabba l-iskandlu tal-abbużi sesswali, il-laqgħa dwar il-ħarsien tal-minuri li se ssir fl-24 ta’ Awwissu. Fost dawk li se jitkellmu se jkun hemm l-Irlandiża Mary Collins, li kienet sfat abbużata u li hi waħda mill-aktar persuni attivi fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.