Lill-leġiżlaturi kattoliċi l-Papa Franġisku stedinhom biex qabel kollox ikunu xhieda ta’ twemminhom

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt 25 ta’ Awwissu 2018: Is-sitwazzjoni tal-insara u ta’ minoranzi reliġjużi oħra fid-dinja serja għall-agħar l-aktar f’reġjuni fejn qed jiddomina l-fundamentaliżmu. Però hemm periklu reali li dan l-estremiżmu u l-intolleranza niġġildulhom b’estremiżmu u intolleranza min-naħa tagħna.

F’laqgħa li kellu mal-parteċipanti tal-Laqgħa Internazzjonali mnedija min-Netwerk Internazzjonali tal-Leġiżlaturi Kattoliċi, il-Papa Franġisku wera t-triq li għandu jimxi fiha l-politiku nisrani u qal li, qabel kollox, li dan għandu jfittex li bl-umiltà u bil-kuraġġ ikun xhud ta’ twemminu. Jaqdi dad-dmir billi jipproponi bil-kompetenza tiegħu proġetti u liġijiet koerenti mal-viżjoni nisranija tal-bniedem u tas-soċjetà. Dawk li huma impenjati biex itejbu l-qagħda tas-soċjetà, saħaq il-Papa, jistgħu u għandhom jagħtu s-sehem tagħhom anki fil-kwistjoni tal-libertà reliġjuża.

Franġisku osserva li l-laqgħa ta’ dis-sena ddiskutiet il-libertà reliġjuża u tal-kuxjenza u kkwota mid-dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II, Dignitatis Humanae (Id-dinjità tal-bniedem) tal-1965 li tgħid: hemm reġimi li minkejja li fil-kostituzzjoni tagħhom jagħtu għarfien lill-libertà tal-kult reliġjuż, jagħmlu minn kollox biex liċ-ċittadini ibegħeduhom mill-istqarrija tar-reliġjon, u l-ħajja tal-komunitajiet reliġjużi jagħmluha diffiċli ħafna u perikoluża.

Fis-sitwazzjoni tal-lum, issokta jgħid il-Qdusija Tiegħu, qed jinġabar sħab iswed ieħor. Is-sitwazzjoni tal-insara u ta’ minoranzi reliġjużi oħra ħżienet fir-reġjuni fejn jiddomina l-fundamentaliżmu. Huma artijiet, spjega Franġisku, fejn l-intolleranza, l-aggressjoni u l-vjolenza għollew rashom sew, qed jinfirxu. Dawn qed iġibu magħhom diskriminazzjoni, vessazzjoni u persekuzzjonijiet li min imexxi mhux dejjem qed jilqgħalhom kif suppost.

Hemm żewġ ideoloġiji opposti għal xulxin, imma fl-istess waqt it-tnejn huma theddida għal-libertà reliġjuża u tal-kuxjenza: ir-relativiżmu sekularista u r-radikaliżmu reliġjuż li fir-realtà, osserva l-Papa, huwa reliġjon finta. Hemm periklu reali li l-estremiżmu u l-intolleranza niġġildulhom bl-estremiżmu u l-intolleranza kemm fl-imġieba kif ukoll bi kliemna.

In-Netwerk Internazzjonali tal-Leġiżlaturi Kattoliċi hi għaqda ta’ parlamentari kattoliċi minn madwar id-dinja kollha u kienet imwaqqfa fl-2010 bħala inizjattiva internazzjonali indipendenti minn kull affiljazzjoni politika.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading