Ir-Raba’ Jum ta’ Talb għall-Kura tal-Ħolqien

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 31 ta’ Awwissu 2018:  Komunikat publikat mill-Kummisjoni Interdjoċesana Ambjent ifakkar li s-Sibt l-1 ta’ Settembru jaħbat il-jum ta’ talb għall-kura tal-Ħolqien, skont kif xtaq il-Papa Franġisku.

Għal din l-okkażjoni l-Kummissjoni tħeġġeġ biex b’xi mod jew ieħor il-komunitajiet Insara fid-djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex jfakkar lill-membri tagħhom biex f’dan il-jum joffru t-talb tagħhom lil Alla għal dan il-għan.

Dan il-jum jiftaħ ukoll ix-xahar tal-Ħolqien li jagħlaq bil-festa ta’ San Franġisk fl-4 ta’ Ottubru.  Għalhekk ikun tajjeb li matul dan il-perjodu jiġu organizzati attivitjiet li permezz tagħhom jitkattru l-għarfien u r-responsabbiltà li għandu jkollna lejn il-Ħolqien.

Il-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja f’pajjiżna tfakkar li hija dejjem lesta li toffri l-għajnuna tagħha lil dawk li jkunu jixtiequ jwettqu fil-komunmità tagħhomxi proġett favur l-ambjent.

F’messaġġ publikat mill-Papa Franġisku fl-okkażjoni tal-Jum Dinji ta’ Talb għall-Ambjent tal-2016, il-Papa Franġisku kien qal li “dan il-jum joffri lil kull min jemmen u lill-komunitajiet l-opportunità prezzjuża li jġeddu t-tweġiba tagħhom għas-sejħa li jkunu ħarriesa tal-ħolqien, u jgħollu quddiem Alla r-radd il-ħajr tagħhom għall-opra tal-għaġeb li Hu fdalna f’idejna biex nieħdu ħsiebha, waqt li jitolbu l-għajnuna tiegħu għall-ħarsien tal-ħolqien u l-ħniena tiegħu għad-dnubiet imwettqa kontra d-dinja li fiha ngħixu”.

Ara l-messaġġ kollu tal-Papa Franġisku fl-2016 …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Leave a Reply

%d bloggers like this: