L-Isqof Mario Grech fil-Ġublew Presbiterali tad-Deheb ta’ saċerdoti mix-Xagħra


Il-Ġimgħa, 31 ta’ Awwissu 2018: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-okkażjoni ta’ Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Ġublew Presbiterali tad-Deheb ta’ saċerdoti mix-Xagħra, li nżammet fil-Bażilika ta’ Marija Bambina, ix-Xagħra. Bil-kortesija ta’ Radju Bambina.

dsc_0118.jpg AĦNA LKOLL ĠARAR TAL-FUĦĦAR

Fis-sala tat-tieġ ta’ Kana kien hemm “sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għall-ħasil ritwali tal-Lhud” (Ġw 2:6). Kienu ġarar kbar għax kienu jesgħu xi mitt jew mija u għoxrin litru – għalhekk ma kinux ġarar moħbija imma kienu jolqtu l-għajnejn! Kienu ġarar vojta, tant li Ġesù qal lill-qaddejja biex jimlewhom bl-ilma. Il-ġarar tal-ħaġar jew tal-fuħħar huma dejjem oġġett li jista’ jitkisser malajr, aktar u aktar jekk ikunu ġarar battala!

Billi hija karatteristika tal-Evanġelista San Ġwann li jinqeda bis-sinjali biex iwassal il-messaġġ tiegħu, nistaqsi jekk huwiex il-każ li meta hawnhekk San Ġwann qed isemmi dawn il-ġarar, huwiex qed jgħidilna li l-mistednin li kienu qed jimlew is-sala tat-tieġ kienu bħal dawk il-ġarar, fis-sens li kienu nies tant dgħajfa li faċilment setgħu jitkissru! Min-natura tiegħu l-bniedem huwa fraġli u jista’ jitfarrak f’ħakka ta’ għajn.

Il-kelma tal-Appostlu San Pawl lin-nies ta’ Korintu meta jafferma li “t-teżor [tal-fidi] qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar” (2 Kor 4:7) tnebbaħni biex f’din is-sala liturġika (il-knisja) mlibbsa b’tant ġmiel għall-Festa ta’ Marija Bambina, nara fina lkoll li nemmnu fi Kristu “ġarar tal-fuħħar”, u għalhekk ilkoll kemm aħna (isqof, saċerdoti, reliġjużi u lajċi) aħna fraġli, nixxellfu u nxellfu lil xulxin malajr!

Din ir-realtà daqshekk dgħajfa għandha l-ħila tifxilna u tfixkilna. Anzi, kif jgħid il-Papa Franġisku, ħafna drabi aħna nippruvaw ngħattu l-fatt li aħna daqshekk vulnerabbli u dgħajfa, tant li jkun hemm mumenti fejn nagħmlu l-irtokk biex din id-dgħufija ma tidhirx. Kapaċi niksu l-ġarar tal-fuħħar bid-deheb, imma ġarar tal-fuħħar nibqgħu.

It-tentazzjoni li aħna ma nammettux li aħna ġarar tal-fuħħar ġejja mill-idea żbaljata li għandna tal-qdusija. Il-bniedem qaddis mhux il-bniedem perfett, tant li wieħed awtur Franċiż, Christian Bobin, isejjaħ il-perfezzjoni bħala “l-oħt iż-żgħira vvizzjata tal-mewt”. Għax il-bniedem qaddis huwa dak li jħobb il-ħajja kif inhi, u bl-umiltà, filwaqt li jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet u d-dgħufija tiegħu, jemmen fl-imħabba tal-ġenn li Alla għandu għalih tant li bagħat fostna lil Ibnu biex jgħinna fil-fraġilità tagħna. “Il-qdusija ma tagħmlekx inqas bniedem milli int, għax hi l-laqgħa tad-dgħufija tiegħek mal-qawwa tal-grazzja” (Ifirħu u thennew, 34).

Hija tassew ħasra li għamilna mir-reliġjon tagħna “tellieqa biex nilħqu l-perfezzjoni morali”, bħallikieku jekk ma nkunux moralment perfetti, Alla ma jagħtiniex wiċċ! Aħna nsejna li l-uniku don li Alla jista’ u jrid jagħtina huwa lilu nnifsu: l-imħabba, il-miżerikordja, il-maħfra. U aħna nistgħu nagħmlu esperjenza ta’ dan id-don biss meta nammettu li aħna midinbin u msejkna! Aħna nduqu l-qawwa salvifika ta’ Alla mhux meta nkunu għelibna l-miżerja tagħna, imma meta nibdew inkunu sinċiera magħna nfusna u naċċettaw li aħna “ġarar tal-fuħħar”.

Lill-Korintin, San Pawl mhux biss jgħidilhom li “t-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar”, imma jżid jgħid: “ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla” (2 Kor 4:7). Kieku aħna ġarar tal-azzar, kieku ma għandniex ħtieġa tal-qawwa ta’ Alla! F’ċertu sens, importanti li toħroġ id-dgħufija tagħna personali u tal-Knisja, biex hekk toħroġ aktar fid-deher il-qawwa ta’ Alla! Għalkemm jista’ jidher tassew stramb, imma huwa minnu li d-dgħufija tal-appostlu u tad-dixxiplu ssir xi ħaġa pożittiva, naturalment mhux fiha nfisha, imma biex tidher il-qawwa ta’ Alla. Kieku aħna ma aħniex dgħajfin, kieku l-qawwa ta’ Alla tibqa’ moħbija. Għalkemm mhux pjaċir tagħna li nisimgħu bl-iżbalji tal-Knisja, imma meta wieħed iqis kemm sirna Knisja awtoreferenzjali, Knisja ċerta minnha nfisha u li sserraħ fuqha nfisha, forsi jagħmlilna l-ġid jekk aħna niftħu għajnejna għad-difetti tagħna. Kif jeżortana San Pawl, għandna bżonn “inwarrbu kull ħabi u għajb” (2 Kor 4:2).

Il-qawwa tal-Vanġelu assolutament ma tiddependix minna (anki jekk xi drabi aħna nagħtukom din l-impressjoni); imma l-istess fraġilità tagħna tagħmel aktar evidenti li Alla huwa ’l fuq minna. Bir-raġun San Pawl jikteb: “Jien ġejt għandkom dgħajjef, imbeżża’ u mriegħed; il-kelma u l-aħbar tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u bil-qawwa, sabiex il-fidi tagħkom tinbena mhux fuq l-għerf tal-bnedmin imma fuq il-qawwa ta’ Alla” (1 Kor 2:2-5).

Għeżież Dun Karm, Dun Salv, Dun Ġużepp u Dun Anton, flimkien magħkom aħna rroddu ħajr lil Alla għal dawn il-ħamsin sena tas-saċerdozju tagħkom. Dan li għidt lill-poplu ta’ Alla jgħodd għalikom ukoll: Ftakru li intom qegħdin iġġorru t-teżor tas-saċerdozju f’ġarar tal-fuħħar, mhux biex taqtgħu qalbkom, imma ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa saċerdotali ġej minn Alla u mhux minnkom. Nirrakkomandalkom biex, fuq l-eżempju ta’ San Pawl, intom ukoll ittennu lilkom infuskom u lid-dinja din il-verità. Filwaqt li b’ħajja ta’ talb nibqgħu nħaddnu l-Kurċifiss biex ma ninsewx li ġejna mifdija bid-demm imxerred fuq is-salib, u bil-penitenza nrażżnu dak li huwa dgħajjef fina, tħallux id-dgħufija tagħkom tkun xkiel għall-ministeru tagħkom, għax f’ċerti aspetti l-istess fraġilità hija element validu biex nikkonfermaw li mhux intom ser issalvaw id-dinja, imma Ġesù Kristu, li minkejja li intom midinbin, għamilkom ministri tiegħu. Fil-mumenti mudlama tal-ħajja tagħkom u tal-Knisja, ftakru f’dak li Ġesù jgħid lill-Appostlu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi: għax il-qawwa tiegħi tidher fejn hemm id-dgħajjef” (2 Kor 12:9). Tkunux biss dawk li tqassmu l-ħniena divina, imma itolbu l-ħniena għalikom infuskom. Aktar ma aħna s-saċerdoti nagħrfu u naċċettaw il-limiti u d-dgħufijiet tagħna, aktar naslu biex nifhmu lill-bniedem bil-limiti u d-dgħufijiet tiegħu.

Grazzi ta’ dak kollu li matul dawn il-ħamsin sena intom għamiltu għall-poplu ta’ Alla kemm f’din il-parroċċa, fid-djoċesi tagħna, f’Toronto u f’Ruma. Aħna għad għandna bżonnkom. Billi aħna lkoll ġarar tal-ħaġar imġelġlin, bil-ministeru saċerdotali tagħkom komplu ressquna għand il-fuħħari, Ġesù Kristu, biex bl-imħabba u l-ħniena tiegħu jerġa’ jgħaqqad il-frak tagħna u jagħmilna ġarar sħaħ. Kimikament, kemm il-faħam u kemm id-djamanti huma magħmula mill-istess materja, imma t-tnejn għandhom struttura differenti. Dik il-materja li tara d-dawl issir djamant, mentri dik li tibqa’ fid-dlam tibqa’ faħam! Għeżież saċerdoti ġubilari, bħala riżultat tal-ministeru tagħkom li bih twasslulna d-dawl ta’ Kristu, din il-komunità Nisranija tax-Xagħra hija l-kuruna tad-djamanti li ssebbaħ ras Marija Bambina, ir-Reġina tal-Vittorji.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.