Lectio Divina għas-26  Ħadd. Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mark 9, 38-48): Ġesu lil Ġwanni u ħuh Ġakbu kien isejħilhom boanerges, i.e. ulied il-beraq. Dan għaliex kienu minn ta’ l-ewwel li jaqbdu argument u jisponu n-naħa tagħhom b’mod fanatiku. Ftit ġimgħat oħra nisimgħu kif riedu jkunu fuq il-lemin u x-xellug (post ta’ unur u glorja) tal-Mulej fir-renju l-ġdid. Darb’oħra talbu ‘l Ġesu jibgħat nar mis-sema fuq is-Samaritani li ma laqgħux lil Ġesu. Illum nisimgħu lil Ġwanni jgħid lil Ġesu:

  1. “Wieħed raġel rajnieh ikeċċi x-xjaten f’ismek, u ridna nżommuh għax mhux wieħed minna.” Qabel ma Ġesu beda l-ħajja pubblika, min kien jipprova jkeċċi x-xjaten kien isejjaħ l-isem ta’ xi ħadd famuż, p.e. Salamun, jew xi anġlu. Issa li Ġesu sar magħruf bdew isejħu ismu. Ġwanni ried li ħadd ħlief l-Appostli ma juża’ isem Ġesu b’dan l-iskop. Għalhekk għamlu li setgħu biex lil dan it-tali jwaqqfuh. Mid-dehra ma rnexxilhomx. Ġesu ta s-setgħa lilhom biss biex ikeċċu x-xjaten. Xorta waħda darba ma rnexxilhomx meta missier ġabilhom ‘l ibnu trux u mutu. Dan ġara għax huma kollha, mhux Pietru biss, kellhom fihom ix-xitan tal-kburija, suppervja u poter. Meta jħallu dax-xitan imexxihom ikunu f’periklu tal-fanatiżmu, i.e. jaħsbu li huma biss kapaċi jagħmlu l-ġid. Dan l-element, meta jkun fi grupp, jinħeba taħt il-kappa taz-zelu, u nsibuh fostna llum. Ġieli nsibu li, meta membri ta’ xi għaqda tal-Knisja jkunu sejrin tajjeb, bil-mod il-mod jibdew iħossu li huma biss qed jagħmlu l-ġid. Hawn jibdew il-piki fanatiċi.  Kif qal Ġwanni llum: “Dak m’għandux dritt jagħmel il-ġid bħalna.” Niftakru li “tkeċċi x-xitan” minn xi ħadd ifisser li tagħmillu l-ġid billi toħroġ minn ġo fih dak li jbaxxieh, dak li ma jħallihx jibqa’ uman awtentiku. Mela trid teħilsu mill-egoiżmu, is-suppervja, il-kilba għall-poter u l-flus, u vizzji oħra imnebbħa mill-ispirti ħżiena. Minn flokhom tpoġġi l-imħabba, il-maħfra, servizz għall-proxxmu u sentimenti oħra bħal dawn imnebbħin mill-Ispirtu Qaddis. Hekk, jibda jerġa’ jġib ruħu bħala iben dehen tal-Missier Etern. Alla tana l-qawwa biex nagħmlu dan permezz tal-Kelma Tiegħu, tat-talb – l-aktar dak personali f’xi ħin kwiet – fejn nibnu relazzjoni intima mal-Mulej, u billi nersqu spiss għas-Sagramenti tal-Qrar u Tqarbin. Minn jista’ jagħmel dil-biċċa xogħol? Is-saċerdoti  u l-membri tal-għaqdiet biss? Le, imma kull maħluq imwieled bix-xbiha u bid-DNA t’Alla u li jħalli lill-Ispirtu Divin imexxieh.
  2. “La żżommuhx …..” L-appostli għadhon bl-ideja antika ta’ Messija bħala mexxej potenti. Sabiħ tkun miegħu, u l-għira ma kenitx tħallihom jaċċettaw oħrajn fil-klikka, anki jekk dawn ġejjin jagħmlu l-ġid. Ġesu jwieġeb: “Iżżommux lil min tarawh ikeċċi x-xjaten, anzi ifirħu, għax kull min jagħmel il-ġid hu magħna u mhux se jgħid kontrina.” Aħna “tal-Knisja” nifirħu meta membri oħra fil-Knisja ikun qed jirnexxilhom iressqu ħafna nies lejn Kristu, jew ngħiru għalihom, inzekzku, jekk ma niddubitawx ukoll mill-intenzjoni retta tagħhom? Ġesu jixtieq li l-Knisja tiegħu tkun bħal belt mibnija fuq quċċata, biex il-bnedmin kollha jkunu jistgħu jaraw il-ġid li twettaq, jitgħallmu minnha u jagħmlu bħalha. “Għax min mhux kontra tagħna hu magħna.”
  3. “Min jagħtikom tazza ilma għax intom tal-Messija…” Illum din hi ħaġa żgħira, imma fi żmien Ġesu u f’pajjiż fejn hemm zoni ta’ deżert, tagħti tazza ilma kienet tfisser li tilqa’ dak li jkun għandek biex jiekol, jixrob, jistrieħ u jħossu protett minn kull inkwiet. Jista’ jkun pagan li qed jilqa’ d-dixxiplu ta’ Ġesu. Dan l-att ta’ mħabba u akkoljenza se jippremjah għax se jservi ta’ bidu għad-djalogu bejnu u bejn id-dixxiplu. Kull djalogu u komunikazzjoni bejn żewġ persuni, Insara u mhumiex, dejjem se jkollu l-frott tiegħu. Dan huwa l-ħlas, il-premju.
  4. “Min jagħti skandlu liċ-ċkejknin…” mhux biss lit-tfal imma kull min hu vulnerabbli, debboli, ta’ fidi ċkejkna. Hi l-ambizzjoni ta’ min hu ġa dixxiplu ffurmat li ġġib il-firdiet u l-konflitti u li tħawwad u tbiegħed liċ-ċkejknin mill-Mulej. Ħasra li dan insibuh illum fil-Knisja bil-ġirja għall-privileġġi u piki bejn għaqdiet u parroċċi. Dawn jiġu ddettati mis-suppervja u l-kilba għall-poter. Ħafna jitbiegħdu mill-Knisja imħabba dawn l-iskandli, għax jippretendu li l-Insara ffurmati u mpenjati għandhom iġibu ruħhom skond l-Evaġelju. Għalhekk Ġesu preokkupat meta fl-intern tal-Knisja tiegħu jitfaċċa l-iskandlu tal-poter u vanita’ li jieħu post is-servizz ġeneruż, ferrieħi u bla kundizzjoni lejn il-proxxmu – f’kelma waħda: l-umilta’. Min jagħti skandlu jistħoqqlu mgħażżra ta’ ħmar m’għonqu u mitfugħ il-baħar. Il-Lhud kienu jagħmlu hekk lil min ma kienx jistħoqqlu jindifen sew. B’hekk, kienu jemmnu, li ma jkunx jista’ jirxoxta għal ħajja oħra.
  5. “U jekk idek tkun okkażżjoni ta’ dnub..” Dan ma jfissirx li jekk ma taqtax idek u riġlek barra se tmur l-infern. Il-kelma li juża’ Ġesu għall-infern hi Ġeħenna li kien wied qrib Ġerusalem li kien iservi ta’ miżbla tal-belt. Din kienet tkun dejjem taqbad u tarmi riħa tintenn. Ir-Rabbini kienu jgħallmu li min iġib ruħu ħażin (e.g. jagħti skandlu) ikun qisu qed iwaddab ħajtu f’miżbla tinten. Ġesu llum qed jirreferi għal din l-espressjoni popolari mal-Lhud. Il-Ġeħenna kienet ukoll misħuta mill-profeti għax dak iż-żmien kienu jissagrifikaw lit-tfal lil Molek, alla pagan. Mela Ġesu qed jitkellem fuq min qed jaħli din ħajtu t’issa, meta ma jimxix mat-tagħlim tal-Vanġelu. Ġesu qatt ma semma l-infern ta’ wara l-mewt. Dal-kunċett żviluppa bil-mod il-mod fit-tagħlim Nisrani. Meta Ġesu jsemmi n-nar li jixtieq jitkebbes malajr u kullimkien, qiegħed jitkellem fuq l-imħabba li ġejja mill-Ispirtu s-Santu li, meta niżel għall-ewwel darba fuq l-appostli, ħa x-xejra ta’ ilsna tan-nar.
  6. “L-id..” tagħmel l-azzjoni. Mela, mhux taqta’ idek trid imma il-ħażen li jsir permezz tagħha: serq, swat, qtil u s-sebgħa li jiġġudika u jikkundanna. “Ir-riġel..” juri d-direzzjoni u l-għażliet żbaljati li tieħu. “L-għajnejn” juru l-pjaċiri illeċiti, il-ħolm ta’ glorja u suċċess, il-kilba għall-flus, u l-għira għal min għandu aktar minnek. (“Għandek għajnejk ikbar minn żaqqek” ngħidu aħna l-Maltin).  Mela l-messaġġ tal-lum hu li, jekk ma rridux nispiċċaw naħlu ħajjitna fix-xejn jew f’miżbla tinten, hemm bżonn inrażżnu l-istinti tagħna u nikkontrollaw ruħna f’kollox: sess, ikel, xorb, flus, eċċ, anki jekk quddiem in-nies tad-dinja nidhru “strambi”, mhux moderni jew mhux “tal-life”.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading