Pro-business akkost ta’ kollox jew pro-komunità?


Il-Ħamis, 27 ta’ Settembru 2018: ‘Pro-Business akkost ta’ kollox jew Pro-Komunità?’ mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent.

BajjaSanGorg.153813694846

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) bħal għadd kbir ta’ ċittadini oħra, għadha maħsuda bid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li tapprova l-proġett estensiv ta’ db Group fil-Bajja ta’ San Ġorġ. Bħalma għamlu ċittadini oħra li bħalha kienu inkwetati bil-proposta ta’ dan il-proġett, il-KA kienet bagħtet l-oġġezzjonijiet tagħha fit-30 ta’ Mejju 20181. Issa li d-deċiżjoni ttieħdet, aktar milli toqgħod tirrepeti dawn l-oġġezzjonijiet, il-KA tħoss li jkun aktar f’waqtu tpoġġi għadd ta’ mistoqijiet li fil-fehma tagħha jixirqilhom ikunu mwieġba:

• Kif tista’ l-PA torbot deċiżjoni bħal din mal-missjoni tagħha li “taġixxi f’isem il-komunità biex tipprovdi ambjent bilanċjat u sostenibbli,”2 meta wieħed iqis li ġew injorati eluf ta’ oġġezzjonijiet kontra dan l-iżvilupp? Fost dawn l-oġġezzjonjiet kien hemm dawk tal-komunitajiet (ta’ Pembroke, San Ġiljan u s-Swieqi) li ser ikunu milquta direttament minn dan il-proġett. X’raġuni moħbija seta’ kien hemm li kienet tiġġustifika li ma jingħatax każ ta’ dawn l-oġġezzjonijiet? Liema interessi qed tħares il-PA? Huwa ċar li f’deċiżjonijiet bħal din, żgur mhux l-interessi tal-komunitajiet tal-madwar.

• Kif tista’ awtorità tal-ippjanar tagħlaq widnejha għall-appelli li jsirulha (inklużi dawk ripetuti u konsistenti taċ-Chairperson tal-Planning Board fil-PA) li jesiġu li proposti għal żvilupp (partikolarment għal din iż-żona) jiġu deċiżi f’kuntest ta’ masterplans jew pjani lokali? Kif tista’ awtorità tal-ippjanar tiffavorixxi proġetti enormi li qed jiġu proposti kif ġie ġie u li, jekk iseħħu, iġibu taqlib kbir fil-fibra soċjali, mingħajr ma l-ewwel tkun għamlet masterplan jew pjan lokali li fuqu tista’ timxi? Pjanijiet bħal dawn, jekk magħmula bil-għan li l-ġid komuni jiġi mħares, mhux biss jgħinu biex ikollna mmaniġġjar sostenibbli tal-ispazju limitat ta’ pajjiżna, imma wkoll juru li l-PA hija tassew kommessa li twettaq il-Missjoni

tagħha, jiġifieri “li tħabrek għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-komunità permezz ta’ servizzi ta’ ppjanar trasparenti u ġusti għall-komunità, illum u fil-ġejjieni”.3

L-inkonsistenza li spiss qed naraw fid-deċiżjonijiet tal-PA żgur mhijiex tgħinha twettaq il-viżjoni li “tagħmel minn Malta u Għawdex pajjiż isbaħ u li tieħu pjaċir tgħix fih”.4 Anke l-PA nġarret mill-mikrobu tal-pro-business akkost ta’ kollox? Jekk dan huwa l-każ,

u jidher li l-PA qed tikkonferma li hija kelb tal-għassa bla snien (bħall-MEPA qabilha), liema awtorità se jkollha s-saħħa li tisfida l-mudell ta’ progress kurrenti, u tippromwovi strateġija ta’ żvilupp li tkun pro-komunità?

Fi żmien meta, minħabba l-iżvilupp bla rażan, qed jikber il-periklu li l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u tal-komunitajiet titmermer, l-ebda deċiżjoni ma għandha tispiċċa vittma ta’ partiġġjaniżmu politiku. L-oġġezzjonijiet għal din id-deċiżjoni (u għal deċiżjonijiet simili) jagħmluhom ċittadini komuni u residenti li jħaddnu twemmin politiku varjat. Iżda lkoll kemm huma jinkeddu li l-kwalità tal-ħajja urbana qiegħda dejjem tmur lura minħabba nuqqas ta’ ppjanar u sostenibbiltà fl-iżvilupp. Malta m’għandhiex bżonn aktar logħob u battibekki bejn il-partiti politiċi, imma sforz ġenwin biex ikollna policies ta’ ppjanar li huma pro-komunità.

Huwa diffiċli tifhem kif waqt li l-Awtorità tal-Ippjanar ma qieset xejn l-inkwiet ġustifikat li wrew il-komunitajiet li ser jintlaqtu mill-proġett propost mid-db Group, fl-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru se torganizza konferenza bit-tema Planning for Liveable Places (Ippjanar għal Spazji li jgħixu fihom in-Nies).5 Waqt din il-konferenza se tiġi diskussa l-ħtieġa li jinħolqu l-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali li jiggarantixxu stil ta’ ħajja xierqa fl-ispazji fejn jgħixu n-nies.6 Jekk dak li jkollhom xi jgħidu l-komunitajiet dwar il-lokalità fejn jgħixu ma jingħatax widen, il-KA temmen li l-gżejjer tagħna mexjin lejn sistema ta’ ppjanar li mhux biss ma tagħtix kas li jitjieb l-ambjent li fih jgħixu l-komunitajiet, imma li lanqas jimpurtaha mill-bżonnijiet tagħhom.

Il-Kurja tal-Arċisqof, P.O. Box 1,
Il-Furjana, FRN 1520 Malta
Email: ambjent@maltadiocese.org

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.