Il-lajċi u r-rgħajja m’għandhomx jibżgħu jħammġu jdejhom


It-Tnejn 8 ta’ Ottubru 2018. Stedina biex inkunu Nsara ta’ veru, Insara li ma jibżgħux iħammġu jdejhom, ħwejjiġhom, meta jersqu qrib il-proxxmu, Insara miftuħin għas-sorpriżi u li bħal Ġesù jħallsu għal ħaddieħor.

Dan qalu l-Papa Franġisku llum fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Kien qed jagħmel riflessjoni fuq il-Vanġelu skont San Luqa li fih il-Fariżej ippruvaw jonsbuH bil-mistoqsija dwar min hu l-proxxmu.

Fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb hemm sitt persunaġġi, osserva Bergoglio: il-ħallelin, il-ferut, is-saċerdot, il-Levita, is-Samaritan innifsu u sid il-lukanda.  Il-ħallelin sawtu lir-raġel u ħallewh nofsu mejjet.  Is-saċerdot ra l-ferut u baqa’ għaddej bla ma ta kont tal-missjoni tiegħu ,għax ħaseb biss li wasallu l-ħin ‘għall-quddiesa’. L-istess għamel il-Levita, bniedem tal-kultura tal-Liġi.

Franġisku kkummenta dwar il-fatt li dawn baqgħu għaddejjin, ħaġa li tgħodd għalina wkoll illum. Kienu żewġ uffiċjali li dehrilhom li ma kenitx biċċa tagħhom li jagħtu għajnuna lill-ferut. Imma kien is-Samaritan, midneb skomunikat mill-poplu ta’ Iżrael – saħaq il-Papa – li ġietu ħniena.

Forsi seta’ kien negozjant li kien qed jivvjaġġa minħabba n-negozju. Madankollu ma qagħadx iħares lejn l-arloġġ, ma qiesx li kien hemm id-demm. Resaq qribu, niżel minn fuq il-ħmar, dewwielu l-ġrieħi biż-żejt u l-inbid. Ħammeġ idejh, ħwejġu. Imbagħad għabbieh fuq il-ħmar tiegħu u ħadu fil-lukanda, maħmuġ kif kien. Ħa ħsiebu. Ma qalx: ‘Se nħallih hemm, sejħu lit-tobba biex jiġu huma. Jien sejjer għax dmiri qdejtu.’ Le, tenna l-Papa, ħa ħsiebu, qiesu kien qed jgħidlu: ‘Issa inti tiegħi, biex naqdik.’ Ma kienx uffiċjal, kien bniedem b’qalb, b’qalb miftuħa.

Il-Papa għadda biex jirrifletti dwar sid il-lukanda li baqa’ mistagħġeb meta ra ‘stranġier’, ‘pagan’, quddiemu, li ma kienx mill-poplu ta’ Iżrael, li kien waqaf biex jgħin lir-raġel ferut u jtih il-flus bil-wegħda li jekk jonfoq aktar iroddlu dak ukoll meta jerġa’ jgħaddi. Sid il-lukanda daħallu dubju jekk kienx se jieħu kull ma ħaqqu: kien id-dubju ta’ bniedem li qed jgħix xhieda, dubju ta’ bniedem miftuħ għas-sorpriżi ta’ Alla. L-istess bħas-Samaritan.

It-tnejn li huma ma kinux uffiċjali. Int Nisrani? Int Nisranija? ‘Iva, jien immur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd u nagħmel ħilti biex inkun ġust.  Minbarra t-tqassis, għax dak jogħġobni…, imma l-bqija kollox nagħmel sewwa.’

Imma int miftuħ/miftuħa għas-sorpriżi ta’ Alla? Jew int uffiċjal, magħluq? ‘Jien immur il-quddies il-Ħadd, nitqarben, inqerr darba fis-sena… kollox nagħmel skont ir-regola.’ Dawn huma l-Insara li nistgħu nsejħulhom ‘uffiċjali’, dawk li mhumiex miftuħin għas-sorpriżi ta’ Alla, dawk li jafu ħafna dwar Alla imma qatt ma jiltaqgħu miegħU. Dawk li qatt ma jistagħġbu meta jaraw ix-xhieda, anzi, neqsin mill-ħila li jagħtuha.

Għalhekk il-Papa ħeġġeġ lil kulħadd, lajċi u rgħajja, biex nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex Insara miftuħin għal dak li l-Mulej itina kuljum, għas-sorpriżi ta’ Alla li bosta drabi, bħal dan is-Samaritan, iqegħduna f’diffikultà; inkella nistaqsu lilna nfusna jekk aħniex Insara ‘uffiċjali’, li nagħmlu dak li hu mitlub minna skont ir-regola u nħossuna f’postna marbutin dejjem mal-istess regoli.

Xi teoloġi antiki, qal il-Papa Bergoglio, kienu jgħidu li dal-pass jiġbor fih il-Vanġelu kollu. Kull wieħed u waħda minna hu l-ferut li jinsab mitluq fil-ġenb u s-Samaritan hu Ġesù. Hu fejqilna l-ġrieħi tagħna. Ġie qribna, ħa ħsiebna. U lill-Knisja tiegħu qalilha: ‘Jekk hemm bżonn aktar, ħallas int, għax jien għad nerġa’ niġi biex inroddulek lura.’ Nifhmuha din: f’dil-parabbola nsibu l-Vanġelu kollu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.