L-Evanġelju tal-Erbgħa 24 ta’ Ottubru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 12, 39-48

Ħafna jikkuntentaw ruħhom billi jgħidu li l-iktar importanti hu li tieħu sehem, l-iktar importanti hu li tipprova. Huwa sabiħ li tieħu sehem; hija ħaġa ta’ nkoraġġiment kbir li wieħed jipprova. Iżda ngħiduha kif inhi! Ħadd ma jieħu sehem f’xi ħaġa sempliċiment biex jipprova. Kulħadd jieħu gost li jirnexxi. Faċli li jekk jipprova u ma jirnexxix jaqta’ qalbu. Kieku d-dinja kienet magħmlula biss b’bnedmin li jippruvaw biex ikunu ppruvaw u ħadu sehem, kieku qatt ma wasalna mkien, kieku għadna ngħixu fl-għerien u jiena minix nikteb u int m’intix taqra. Is-suċċess hu mportanti f’kull qasam tal-ħajja tal-bniedem. Il-problema hi li l-bniedem ma jqisx li kull qasam hu mportanti. Allura jiġġustifika din l-ideja żbaljata billi jgħid li l-importanti hu li tieħu sehem, l-importanti hu li tipprova.

Il-mistoqsija ta’ Pietru tidwi xi ftit l-emozzjoni li ħass l-għaref tal-liġi għand il-fariżew li stieden lil Ġesù għall-ikel. Dak ħa għalih. Pietru donnu qed iħoss li Ġesù qed jitlob iktar mid-dixxipli milli mill-bqija tan-nies. Ġesù ma jwieġbux. Ġesù jiftaħ għajnejn Pietru u jiftaħ għajnejn kulmin irid jisma’. Għal kull bniedem il-fedeltà hija indispensabbli. X’tiswa kelma li tagħti jekk ma tridx iżżommha! Jekk int dixxiplu, jekk inti għandek xi tip ta’ responsabbiltà lejk innifsek lejn il-proxxmu u lejn Alla, il-fedeltà mhix għażla. Idejjaqna min iwiegħdna u ma jżommx kelmtu, ma nħossuniex komdi miegħu, ma nafux fejn aħna. Il-fedeltà tirregola ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, tinfluwenza l-mod kif inħarsu lejna nfusna, tħejjina għal-laqgħa tagħna ma’ Alla wiċċ’imb’wiċċ.

Jekk jiena miniex fidili lejn dmiri u naqbad u nagħmel li jfettilli, jekk jiena nimxi bil-burdati u bl-aptiti, jekk jiena dejjem nibda u ma nkomplix, meta nħares fil-mera se nara bniedem imqaxxar nofs leħja, mhux sħiħ. Dan jibdilli l-ideja li għandi dwari nnifsi, jaqtali qalbi bħala bniedem li ma nasalx, bħala bniedem li minix kapaċi nwassal għat-tmiem dak li nibda u jsewwidli qalbi. Imma jekk jiena nara li qed jirnexxili, inqawwi qalbi, anke meta niżbalja, anke meta għal xi raġuni jew oħra kultant ma nasalx. Il-fedeltà determinata twassalni biex nibda mill-ġdid u jekk ma rnexxilix b’mod, nipprova b’mod ieħor.

Il-fedeltà tirbaħli wkoll il-fiduċja tal-oħrajn. Niskantaw meta n-nies ma jafdawniex u jiddispjaċinia u jkollna raġun. Imma l-fiduċja mhix bonus. Il-fiduċja trid taħdem għaliha, trid taqlagħha billi turi li int ta’ min jafdak. Il-fiduċja trid tkun imsaħħa bl-impenn fidili u kontinwu. Ma nistennix li ħaddieħor jafdani jekk dak li nwiegħed ma nroddux, jekk dak li ngħid mhux imsostni bil-fatti.

Alla jaf x’ħoloq. Bnedmin li min natura tagħhom għandhom fihom id-dgħufija tal-bniedem. Mela mhux jistenna perfezzjoni. Meta Ġesù qali li ġie jsejjaħ lill-midinbin, kien qed jgħid li ġie jsejjaħ lil kulħadd, għax kulħadd jonqos. Iżda ġie jsejjaħ għal xi ħaġa. Ħadd ma jippretendi li jsaffar lil xi kelb u dan jibqa’ wieqaf. Jiffrustrak jekk ma jiċċaqlaqx. Is-sejħa tistenna tweġiba immedjata. Dak li Ġesù qed juri lil Pietru u lilna hu li ġie biex isejħilna biex inkunu fidili. Mhux li ma niżbaljawx imma li, jekk niżbaljaw, inqumu u nimxu. Mhux li nippruvaw biss, imma li nippruvaw u jirnexxielna, u meta ma jirnexxilniex, ma naqtgħux qalbna, nerġgħu nibdew mill-ġdid biex jirnexxilna.

Il-fedeltà fil-qadi ta’ dmirna, il-fedeltà fl-imħabba lejn xulxin u lejn Alla, hi din il-fedeltà li żżommna weqfin u determinati li naslu, biex meta jkun il-waqt ma nidhrux iċċassati b’idna f’idna, iżda b’wiċċna minn quddiem nuru idejna mimlija. Mulej għaxra afdajtli f’idejjja, hawn ara, għandek għaxra oħra.