Evanġelju tat-Tnejn 19 ta’ Novembru 2018


Ħsieb minn Fr Michael Bugeja
Ara l-qari kollu tal-quddiesa tal-lum: http://www.laikos.org/QQ/Qari_Quddies.php
Lq 18, 35-43

Ġeriko, li isimha ġej mill-għerq r u ħ (x’aktarx li l-pronunzja ħ inbidlet f’k mal-ħakma tal-Griegi) li għalina l-maltin nissel in-nom ‘rieħa’ li fil-kanani (il-lingwa tal-Kananin) tfisser rieħa tfuħ, kienet il-belt li Erodi l-Kbir bidel f’belt ta’ prosperità kbira. Il-familji nobbli ta’ Ġerusalemm kienu jgħaddu x-Xitwa hemm u hemm min jgħid li fiha kienu jgħammru madwar tnax-il elf qassis u levita tat-Tempju. Kienet il-belt tas-sinjuri. Mhux ta’ b’xejn li t-triq bejn Ġeriko u Ġerusalemm kienet miżgħuda bil-ħallelin. Għalhekk Ġesù jqiegħed il-parabbola tas-samaritan li ħenn għall-vittma tal-ħallelin, sewwa ssew f’din it-triq. Il-vjaġġaturi kien fihom kemxa mhux ħazin.

Iżda barra l-belt xorta kien hemm min kien jgħix fil-għaks u fil-miżerja. Ġeriko kienet imdawra bil-ħitan, l-eqdem belt li qatt kienet imkenna bis-swar, b’wirt kbir ta’ esperjenza ta’ bnedmin jgħixu flimkien. Minkejja dan, il-bnedmin li kienu jgħixu fiha mhux talli ma tgħallmux iħennu, talli min ma kienx jista’ għax kien fqir, kien imkeċċi ’l barra.

L-għajbien tal-ħniena mill-qalb ta’ dawn in-nies, li kienu miexja wara Ġeù u min jaf kemm-il darba semgħuh jitkellem u rawh iħenn, jidher anke mill-fatt li meta dan it-tallab għama, għolla leħnu biex jinħeles mill-miżerja tiegħu, ma għenuhx, ma ressquhx lejn Ġesù, anzi, ippruvaw jagħlqulu ħalqu. Quddiem ir-rejaltajiet iebsin ta’ ħafna mill-proxxmu tagħna għandna l-ħila nagħqlu għajnejna u lil min jgħajjat biex niftħuhom, insoddulu ħalqu. Li kieku dak ir-raġel sema’ minnhom jew ta’ kashom kien jibqa’ għama, u hu u dawk li kienu jiddependu minnu kienu jibqgħu jgħixu fil-miżerja, fl-għaks.

In-nies, qalulu min kien għaddej u x’ħobż kien jiekol, iżda wrew li l-ħobż li kien jiekol Ġesù, ma kienx ħobż għal snienhom. Huma kienu biss hemm, mexjin u jgħajtu, iżda qatt ma tħajru minnu. Li kieku tħajru minnu, jekk għallinqas ma għenux lill-għama huma, kienu jressqh quddiem Ġesù li kienu jafu li seta’ jgħinu. Imma qalb il-bniedem kapaċi tixraf u tibbies daqs l-irħam samm. L-importanti li għaddej tajjeb jien. X’għaddej minnu ħaddieħor mhux importanti. Għadu jidwi sa żmienna il-kliem ta’ Kajjin li qatel lil ħuh Abel: Mela jien għassies ta’ ħija!

Qiegħed lilek innifsek minflok ħuk u xtarr sewwa jekk tixtieqx li jwieġeb bl-istess mod.

Ġesù kien ifittex il-kwiet għax kien ikun imdawwar bl-istorbju. Kull fejn ikun imdawwar bin-nies. Dejjem bl-għajjat tal-folol. Iżda l-leħen tal-batut qatt ma hu dgħajjef biżżejjed biex Ġesù ma jisimgħux. Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu jgħidilna s-salmista. Dan sejjaħ, korob, u l-Mulej semgħu. Iżda dan l-għama mhux biss sejjaħ lil xi ħadd iżda sejjaħ lil Ġesù b’ismu u bit-titlu rjali tiegħu: ‘bin David’. Dan l-għama li kien jaf li Ġeriko hija l-belt tas-slaten,isejjaħ lil Ġesù bħala bin l-aqwa sultan, David.

Barra minn hekk, mhux biss isejjaħlu b’ismu imma jitolbu ħniena. Dak li qed jitlob ma jfissirx biss li jkollu d-dawl, iżda ħniena b’mod ġenerali tant li Ġesù jistaqsih, xi tridni nagħmillek, x’se jkun l-ewwel pass? Donnu dan r-raġel induna li ħajtu kollha kienet miżerja u ħajtu kollha kellha bżonn il-ħniena, l-eżistenza tiegħu kollha kemm hi kellha bżonn min jerfagħha ’l fuq. Fl-għajta tiegħu tidher bidla mill-għeruq, bidla fl-attitudni, minn telqa ta’ tallab li ma jista’ jagħmel xejn għall-għajta mimlija enerġija u determinazzjoni biex Ġesù jħenn għalih u jgħinu jibdel ħajtu.

Meta renxxielu jasal quddiem Ġesù, u jiġi wiċċ’imb’wiċċ mal-mistoqsija tiegħu, l-istess bħall-mistoqsija li agħmel Alla lil Salamun, bin David, dan ir-raġel jagħmel il-qabża l-kbira. Seta’ talbu l-flus, seta’ talbu jeħodlu ħsieb il-familja tiegħu, seta’ talbu minn kollox u ħajtu kienet tkun ħafna aħjar. Il-mistoqsija ta’ Ġesù mhix banali, għax mit-tweġiba għaliha tiddependi l-ħajja ta’ dak il-bniedem u ta’ kull min qed isibha mċappsa quddiemu. Hija mistoqsija li għandha l-ħila titfana fi kriżi, għax tqiegħedilna quddiemna dak li hu tassew importanti għalina.

Dak ir-raġel għaraf x’kien l-iktar importanti, jekk Salamun talab l-għerf, dan ir-raġel wieġeb bil-għerf li diġa ngħatalu, u bil-grazzja ta’ Alla. Il-bniedem talab id-dawl, biex jara kollox kif inhu, biex ikun jaf fejn hu, biex ikun jaf fejn hu sejjer, biex jagħraf bejn is-sabiħ u l-ikrah, bejn it-tajjeb u l-ħażin. Tant għaraf dan kollu li ddeċieda jibqa’ miexi wara min fejqu jfaħħar lil Alla.

Għandek ħila twieġeb bħalu?