Il-Papa f’Santa Marta: Il-kriterju tan-nisrani huwa l-konkretezza


It-Tnejn, 7 ta’ Jannar 2019: Il-Kmandamenti t’Alla huma konkreti, għalhekk huma l-kriterji tan-Nisrani, mhux il-kliem sabiħ. Hekk afferma l-Papa Franġisku fl-omelija li għamel illum, it-Tnejn 7 ta’ Jannar 2019, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

 

L-aċċess għal Alla hu ‘miftuħ’ u l-muftieħ għal dan jissuġġerihulna l-Appostlu: nemmnu fl-isem tal-Iben t’Alla u nħobbu lil xulxin bħall-aħwa. Hekk biss nistgħu nitolbu dak li nixtiequ, bil-kuraġġ, sfaċċatament, osserva Franġisku.

Nemmnu li Iben Alla ġie u sar laħam, sar wieħed minna. Din hi l-fidi f’Ġesù Kristu: Ġesù Kristu, li hu Alla konkretament, li kien imnissel fil-ġuf ta’ Marija, li twieled f’Betlem, li trabba bħala tifel, li ħarab lejn l-Eġittu, li reġa’ lura lejn Nazaret, li tgħallem jaqra ma’ missieru, ħadem u baqa’ miexi ’l quddiem u mar jipprietka: bniedem konkret, bniedem li kien Alla, imma bniedem. Mhux bniedem bil-libsa ta’ Alla. Din hi l-konkretezza tal-ewwel Kmandament.

It-tieni wieħed hu konkret ukoll: inħobbu, inħobbu lil xulxin, imħabba konkreta mhux imħabba mimlija fantasija; l-ewwel ngħidlek li nħobbok bil-kliem, imbagħad inkissrek bi lsieni. Dan mhux sewwa. L-imħabba għandha tkun konkreta, jiġifieri li l-Kmandamenti ta’ Alla huma konkreti.  Il-konkretezza għandha tkun il-kriterju tan-Nisrani, mhux l-ideat, il-kliem sabiħ. Din hi l-isfida.

L-Appostlu Ġwanni, bniedem li kien appassjonat bl-inkarnazzjoni ta’ Alla, iħeġġiġna biex lill-ispirti nistħarrġuhom. Ifisser li meta tiġina xi idea dwar Ġesù, dwar in-nies, dwar xi ħaġa li rridu nagħmlu, dwar liema hi t-triq tar-redenzjoni, għandna nistħarrġuha. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħajja tan-Nisrani hi fidi konkreta f’Ġesù Kristu u fil-karità, imma hija wkoll sahra spiritwali għax hi taqbida minħabba li jistgħu jiġuna ideat jew profeti foloz li jipproponulna lil Kristu ‘mitruħ’, mingħajr wisq ‘laħam’, u l-imħabba lejn il-proxxmu ssir xi ftit relattiva: dawn magħna u dawn mhumiex!

Il-Papa għalhekk ħeġġiġna biex nemmnu illi Kristu sar laħam, biex nemmnu fl-imħabba konkreta skont il-verità l-kbira tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, biex nifhmu l-‘ispirti’, jew aħjar jekk l-ispirazzjoni hix ġejja minn Alla jew mill-profeti foloz tad-dinja.  Ix-xitan ifittex dejjem li jbegħidna minn Ġesù, milli nibqgħu f’Ġesù, għalhekk is-sahra spiritwali hi meħtieġa.

Lil hinn minn dnubietu, issokta Franġisku, fi tmiem il-jum in-Nisrani għandu jqatta’ ftit minuti biex jeżamina x’għadda minn qalbu, liema ispirazzjoni, forsi wkoll ‘il-ġenn għall-Mulej’ għax l-Ispirtu kultant jimbuttana lejn il-ġenn, imma lejn il-ġenn kbir għal Alla. Il-Papa ġab l-eżempju ta’ raġel preżenti għall-quddiesa li kien ħalla l-Italja erbgħin sena qabel biex imur missjunarju qalb il-lebbrużi fil-Brażil, u wkoll lil Santa Francesca Cabrini li qatt ma waqfet tivvjaġġa biex tieħu ħsieb il-migranti.

Min jista’ jgħinna f’dan id-dixxerniment? Il-poplu t’Alla, il-Knisja, l-għaqda tal-Knisja, ħuna, oħtna li għandhom il-kariżma li jgħinuna naraw ċar. Għaldaqstant, għan-Nisrani hija importanti l-laqgħa spiritwali ma’ persuni ta’ awtorità spiritwali. M’hemmx għalfejn immorru għand il-Papa jew għand l-isqof biex niċċekkjaw jekk dak li qed inħossu hux tajjeb, għax hemm ħafna nies – saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi – li għandhom ħila jgħinuna nifhmu dak li qed jiġri fl-ispirtu tagħna, biex aħna ma niżbaljawx.

Meta x-xitan żar lil Ġesù fid-deżert kien ipproponielu tliet affarijiet li ma kinux skont l-Ispirtu t’Alla. Ġesù keċċa lix-xitan bil-Kelma t’Alla. Jekk Ġesù ġralu hekk, dan jiġri lilna wkoll. Imma m’għandniex nibżgħu.

Fl-aħħar mill-aħħar, anke fi żmien Ġesù, kompla jirrifletti l-Papa Franġisku, kien hemm nies ta’ rieda tajba li kienu jaħsbu li t-triq t’Alla hi ‘oħra’: il-fariżej, is-saduċej, l-esseni, iż-żeloti, kollha kellhom il-liġi f’idejhom, imma mhux dejjem qabdu l-aħjar toroq.

Għalhekk aħna għandna nkunu mansweti u ubbidjenti u l-poplu t’Alla għandu jimxi dejjem bil-konkretezza: il-konkretezza tal-karità, tal-fidi, tal-Knisja. Dan juri ċar is-sens ta’ dixxiplina tal-Knisja. Meta din id-dixxiplina tkun konkreta, tgħinna nikbru biex b’hekk nevitaw il-filosofiji tal-fariżej u tas-saduċej.

Huwa Alla, temm il-Papa Franġisku, li sar bniedem konkretament, twieled minn mara, għex ħajja konkreta u miet b’mewta konkreta, li jitlobna biex inħobbu lil ħutna konkretament, minkejja li wħud minnhom mhux faċli tħobbhom.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.