Il-Papa Franġisku se jżur ir-Rumanija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 15 ta’ Jannar 2019: Il-Vatikan ħabbar li l-Papa Franġisku se jagħmel żjara ta’ tlett ijiem fir-Rumanija fl-aħħar ġimgħa ta’ Mejju.

fr1_rumanija2Fuq stedina mill-President Klaus Iohannis u l-rgħajja Kattoliċi, il-Papa se jżur il-kapitali Bukarest u bliet oħra. It-tema taż-żjara hija “Ejjew nimxu flimkien” filwaqt li l-logo taż-żjara turi grupp ta’ fidili miġbura flimkien bi xbieha tal-Madonna warajhom li tirrappreżenta l-ħarsien tagħha fuq il-poplu t’Alla fir-Rumanija.

Il-Qaddis Ġwanni Pawlu II meta kien żar dan il-pajjiż fl-1999 sejjaħlu l-ġnien ta’ Omm Alla.

L-istqarrija tal-Vatikan kompliet tgħid li ż-żjara ta’ Franġisku se jkollha dan l-aspett Marjan bħala stedina lill-Insara biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom taħt il-mant protettiv tal-Madonna u biex kulħadd isaħħaħ il-konferma fil-fidi.

Il-parti l-kbira tal-popolazzjoni Rumena, 82% jew 20 miljun huma membri tal-Knisja Ortodossa Rumena, filwaqt li 6% huma Protestanti u 4% mal-Knisja Kattolika tar-Rit tal-Lvant jew tar-Rit Latin.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Leave a Reply

%d bloggers like this: