It-Tlieta 15 ta’ Jananr 2019: Sa mill-ewwel Jum Dinji taż-Żgħażagħ, lura fl-1984, l-Ordni Sovran ta’ Malta baqa’ jipprovdi servizz mediku, volontieri u għajnuna meħtieġa lill-uffiċjali tal-Vatikan li jorganizzaw dan l-avveniment. Bħal dejjem volontiera mill-Ordni se jkunu preżenti għall-34 Jum Dinji taż-Żgħażagħ li se jsir fil-Panama bejn it-22 u s-27 ta’ Jannar.
Dawn il-volontiera, kollha speċjalizzati biex jagħtu għajnuna fl-inċidenti u fl-emerġenzi huma minn Franza, mill-Italja u mill-Ġermanja.
Se jkunu preżenti fl-avvenimenti prinċipali tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ u fil-quddies f’din il-laqgħa li l-motto tagħha hu vers mill-Vanġelu ta’ San Luqa: Jiena qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek.
Il-Prinċep Dominique de La Rochefoucauld-Montbel, Gran Ospitalier tal-Ordni Sovran ta’ Malta kien intervistat mill-ġurnalista Linda Bordoni u qal li l-volontiera se jaħdmu id f’id mal-persunal tal-ewwel għajnuna, tad-difiża ċivili u tat-tifi tan-nar tal-Panama b’koperazzjoni sfiqa mal-ġendarmerija tal-Vatikan u l-Gwardji Svizzeri.
Il-kelliem żied jgħid li se jkun hemm madwar 120 volontiera professjonisti li se jagħtu sehemhom fil-każ tal-ewwel għajnuna, kif ukoll sitt membri mit-tim li regolarment joffri assitenza fil-Vatikan.
de La Rochefoucauld innota li din hi sfida kbira għan-nazzjon li qed jospita l-avveniment minħabba l-għadd enormi ta’ parteċipanti u żied li l-Ordni kellu diversi laqgħat uffiċjali mal-awtoritajiet tal-Panama biex kollox ikun taħt kontroll.
Hija sfida għal pajjiż żgħir bħalma hu l-Panama, issokta jgħid, għax mistennija parteċipazzjoni ta’ mill-anqas nofs miljun ruħ.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija