Tamiet tiegħu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ


L-Arċisqof tal-Panama dwar it-tamiet tiegħu għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ

L-Erbgħa 16 ta’ Jannar 2019: Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ jinsab ftit jiem ‘il bogħod u ta’ kuljum waqt dan il-bullettin qed nagħtu lis-semmiegħa tagħna ftit informazzjoni dwar din il-manifestazzjoni. L-Arċisqof tal-Belt tal-Panama, Jose Domingo Ulloa Mendieta li se tkun qed tospita l-avveniment qal li għal dawn l-aħħar sentejn fit-22 tax-xahar kien qed jiġi osservat Jum ta’ Talb. Intgħażel it-22 għaliex huwa jum il-festa ta’ San Ġwanni Pawlu II li ħoloq il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.

download
L-Arċisqof tal-Belt tal-Panama, Jose Domingo Ulloa Mendieta

Huwa qal li fil-Panama il-Papa Franġisku se jsib Knisja li hija żagħżugħa u mimlija ferħ, awtentika, multi-etnika u pluri-kulturali b’fidi ħajja u b’impenn li xxandar il-Vanġelu. Knisjal li taqdi lil kulħadd u ma twarrab lil ħadd.

L-Arċisqof tal-Panama żied jgħid li l-Jum Dinji taż-Żgħażagħ għandu jkun opportunità li juri r-realtajiet taż-żgħażagħ inklużi dawk tal-migranti, tal-indiġeni u tal-komunità ta’ oriġini Afrikana u kif il-Knisja fl-Amerika Ċentrali tista’ takkumpanja liż-żgħażagħ f’dawn ir-realtajiet.

Huwa wera t-tama li f’dawn il-jiem iż-żgħażagħ iħossu t-tgħanniqa kollha mħabba u ħniena ta’ Alla, li jieħdu kemm jistgħu mill-katekeżijiet u mill-kelmiet tal-Papa li sejjer il-Panama biex jikkonferma l-fidi tagħhom u biex jgħidilhom li l-Knisja u s-soċjetà għandhom bżonnhom. U jittama wkoll li ż-żgħażagħ ikollhom il-kuraġġ li jwieġbu għas-sejħa t’Alla bit-talb.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.