Inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja tat-Tribunali Ekkleżjastiċi


It-Tnejn, 28 ta’ Jannar 2019: L-Inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja tat-Tribunali Ekkleżjastiċi ta’ Malta u Għawdex.

 

curia_03.15486715769

It-Tribunali Ekkleżjastiċi ta’ Malta u Għawdex iċċelebraw l-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja. Din l-inawgurazzjoni li saret fil-Palazz tal-Arċisqof, il-Belt Valletta, kienet imqanqla mix-xewqa tal-Papa Franġisku li t-tribunali tal-Knisja juru dejjem iktar kontabbiltà fil-ħidma tagħhom u jkunu eqreb lejn il-komunità ta’ fidi li huma jaqdu.

Din is-sena l-mistieden speċjali kien l-E.T. Monsinjur Maurice Monier, il-Pro Dekan tat-Tribunal Appostoliku tar-Rota Rumana, li kien ukoll involut fil-kummissjoni li f’dawn l-aħħar snin irriformat il-proċessi ta’ nullità taż-żwieġ permezz tad-dokument Mitis Iudex Dominus Iesus. Mons. Monier ta Lectio Magistralis dwar it-tema: “L-evalwazzjoni tal-istqarrijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet u x-xhieda fil-kawżi ta’ nullità taż-żwieġ; id-duttrina u l-prassi preżenti tar-Rota Rumana”.

Fetaħ l-inawgurazzjoni l-Arċisqof Charles J. Scicluna b’diskors ta’ merħba fejn qal li l-pedament tal-ġustizzja hija l-verità, u l-ġustizzja mhijiex biss virtù kardinali iżda wkoll marka ta’ ċiviltà. Nuqqas ta’ ġustizzja tagħmel soċjetà inqas ċivilizzata.

It-tliet Vigarji Ġudizzjali ta’ Malta u Għawdex tkellmu dwar is-sena ta’ ħidma 2018 u taw ’il quddiem għal din is-sena. Il-Vigarji Ġudizzjali tat-Tribunali ta’ Malta, Rev. Kan Brendan Gatt, Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal Metropolitan tal-Ewwel Stanza, u Mons. Joseph Bajada, Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunali Reġjonali tat-Tieni Stanza, tkellmu dwar il-mod li bih qed jiġu ttrattati l-kawżi li qed iwassal biex jonqos il-backlog li kien hemm f’dawn l-aħħar snin. Ir-riforma li saret fil-2015 u organizzazzjoni aħjar tat-tribunali qed juri l-frott. Mons. Edward Xuereb, il-Vigarju Ġudizzjali tat-Tribunal ta’ Għawdex, ta wkoll ir-rapport tiegħu.

Bħala parti mill-attivitajiet marbuta mal-inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja, li saret nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Jannar 2019, Mons. Monier kellu wkoll laqgħa ta’ taħriġ u formazzjoni mal-istaff tat-tribunali tal-Knisja.

One thought on “Inawgurazzjoni tas-Sena Ġudizzjarja tat-Tribunali Ekkleżjastiċi

Comments are closed.