Il-Papa f’Santa Marta: Is-saċerdoti għandhom ikunu ferrieħa bħal Don Bosco


Il-Ħamis, 31 ta’ Jannar 2019: Is-saċerdoti għandhom ikunu nies ferrieħa bl-għajnejn ta’ bniedem u bl-għajnejn ta’ Alla, kif kien San Ġwann Bosco. Il-Papa Franġisku għamel din ir-rakkomandazzjoni waqt l-omelija tal-Ħamis 31 ta’ Jannar, fil-kappella tad-Dar Santa Marta fejn ħeġġeġ lis-saċerdoti jħarsu lejn ir-realtà bil-qalb ta’ missier u ta’ għalliem, kif għamel Don Bosco.

Ħarsa li mexxietu, qal Franġisku, kienet, li ra liż-żgħażagħ fqar fit-triq, ħassu mqanqal għalihom u qatagħha li jgħinhom jimmaturaw, mexa u beka magħhom.

Franġisku fakkar li f’jum l-ordinazzjoni ta’ Don Bosco, ommu, mara umli, bidwija, “li ma kienet studjat f’ebda fakultà tat-teoloġija” kienet qaltlu: “Illum tibda tbati”. Żgur li riedet tisħaq realtà, imma riedet ukoll twissih għax kieku binha deherlu li ma kienx se jkun hemm tbatija, kien ifisser li hemm xi ħaġa mhux f’postha. Kienet mara sempliċi imma b’qalb mimlija bl-ispirtu.

Għalhekk, għas-saċerdoti t-tbatija hi sinjal li l-affarijiet sejrin sew imma mhux għax “jorqod fuq l-imsiemer” imma minħabba dak li għamel Don Bosco li kellu l-kuraġġ iħares lejn ir-realtà bl-għajnejn ta’ bniedem u bl-għajnejn ta’ Alla.

F’dik l-epoka massonika u antiklerikali għall-aħħar, fi żmien aristokrazija iżolata, fejn il-foqra kienu foqra bis-serjetà, l-iskart, Don Bosco kien ra lil dawk iż-żgħażagħ u qal: “ma jistax ikun hekk!” Il-viżjoni tiegħu kellha l-għajnejn ta’ bniedem, ta’ Alla, imma wkoll ta’ missier li ma riedx lil dawk iż-żgħażagħ jispiċċaw fuq il-forka.

It-toroq li fittex biex jgħinhom kienu toroq umani. Hu fehem l-inġustizzji. Lill-Mulej kien jgħidlu: Inti ħalqt lil dawn il-bnedmin biex jilħqu l-milja u huma jinsabu fi traġedja, jistgħu jispiċċaw għand Don Cafarro li kien kappillan fil-ħabs ta’ Torin u spiss kien jakkumpanja lil kundannati sal-forka. Kien ukoll ħabib kbir ta’ Don Bosco.

Għaldaqstant, issokta jgħid il-Papa Franġisku, is-saċerdot għandu jkollu dawn iż-żewġ kwalitajiet: iħares lejn ir-realtà bl-għajnejn ta’ bniedem u bl-għajnejn ta’ Alla. Dan ifisser li għandu jgħaddi ħafna ħin quddiem it-tabernaklu.

Dan l-atteġġjament wera t-triq lil Don Bosco għax hu ma resaqx lejn dawn in-nies bil-Katekiżmu u l-Kurċifiss biss. Kieku qal liż-żgħażagħ: “Agħmlu hekk”, kienu jiskartawh. Hu resaq lejhom, lejn il-vivaċità tagħhom. Organiżżalhom il-logħob, organiżżahom fi gruppi bħal aħwa, mexa magħhom, ħass magħhom, ħares bl-għajnejn tagħhom, beka magħhom u b’hekk mexxihom. Is-saċerdot iħares lejn in-nies b’mod uman, hu dejjem għal-lest.

Il-Papa saħaq li s-saċerdoti m’għandhomx ikunu qieshom impjegati bit-time table. Għandna ħafna minnhom, osserva Franġisku, bravi, jafu xogħolhom, jafu kif ikunu impjegati. Imma s-saċerdot mhux impjegat, ma jistax ikun hekk. Meta jħares bl-għajnejn umani, tenna l-Papa, iħoss is-sentiment li jqis lin-nies bħala wliedu, ħutu. Imbagħad għandu jkollu l-kuraġġ li jmur jitqabad għalihom, is-saċerdot hu bniedem li jitqabad ma’ Alla.

Dejjem hemm ir-riskju, kompla jgħid, li l-uman jieħu aktar importanza mid-divin jew bil-maqlub, imma jekk fid-dinja ma nirriskjawx….. kollox jibqa’ ċatt. Infatti meta jkun hemm l-imħabba, il-missier jirriskja minħabba wliedu, l-aħwa jirriskjaw għal xulxin. Bla dubju dan iġib miegħu t-tbatija, jibdew il-persekuzzjonijiet, it-tqassis!

Il-Papa rringrazzja lil Alla li tana lil San Ġwann Bosco li sa minn ċkunitu kien imdorri jaħdem, kien jaf kif taqla’ l-ħobża ta’ kuljum, kien fehem x’inhi l-ħniena, liema kienet “il-veru” verità.

Is-sinjal li s-saċerdot miexi fit-triq it-tajba huwa l-ferħ, qal Franġisku. Meta s-saċerdot ma jħossx il-ferħ ġewwieni, għandu jieqaf minnufih u jistaqsi lilu nnifsu għaliex. Il-ferħ ta’ DonBosco hu magħruf, hu kien l-imgħallem ta-ferħ għax kien iferraħ lill-oħrajn u b’hekk kien jifraħ hu wkoll. U kien isofri wkoll!

Nitolbu lill-Mulej, biex bl-interċessjoni ta’ Don Bosco jtina l-grazzja li s-saċerdoti tagħna jkunu bnedmin ferrieħa għax għandhom is-sens veru li jħarsu lejn il-pastorali, lejn il-poplu t’Alla bl-għajnejn ta’ bniedem u bl-għajnejn ta’ Alla, temm il-Qdusija Tiegħu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.