Laqgħa fil-Vatikan dwar il-ħarsien tal-minuri fil-Knisja


Il-Ħamis 21 ta’ Frar 2019: Dalgħodu l-Papa Franġisku ta bidu għall-ħidma tal-laqgħa li qed issir fil-Vatikan dwar il-ħarsien tal-minuri fil-Knisja.  Lill-miġemgħa tal-Isqfijiet u Reliġjużi qalilhom li l-poplu qaddis t’Alla għajnejh fuq dan l-avveniment u mhux qed jistenna biss kundanni li faċli jsiru, iżda miżuri konkreti u effettivi.

Il-laqgħa dwar il-Protezzjoni tal-Minuri fil-Knisja bdiet illum il-Ħamis, 21 ta’ Frar bit-talb, qari u waqtiet qosra ta’ riflessjoni fis-skiet.  Wara kien imiss li l-Papa Franġisku jiftaħ il-laqgħa bir-rimarki tiegħu.  Il-parteċipanti qed jiltaqgħu fis-Sala tas-Sinodu fil-Vatikan.

Fil-preżenza ta’ Patrijarki, Kardinali, Arċisqfijiet, Isqfijiet, Superjuri Reliġjużi u mexxejja oħra, l-Papa qal li quddiem din il-pjaga tal-abbużi sesswali fuq it-tfal min-naħa ta’ nies tal-Knisja, huwa ħass li kellu jlaqqagħhom flimkien sabiex nisimgħu x’għandu jgħidilna l-Ispirtu s-Santu u bil-ħlewwa u t-tmexxija tiegħu nisimgħu l-karba taċ-ċkejknin li qed jitolbu l-ġustizzja.

Franġisku żied jgħid li din hi laqgħa ta’ piż kbir pastorali u ekkleżjali minħabba r-responsabbiltà u l-obbligu li ssir diskussjoni b’mod sinodali, diskussjoni sinċiera u profonda ħalli l-Knisja taffaċċja dal-ħażen li qed jifleġ lilha u lill-umanità.

Il-Qdusija Tiegħu issokta jgħid li l-Poplu Qaddis ta’ Alla għajnjeh fuq dil-laqgħa u aktar minn kundanni sempliċi u faċli, jistenna li jkunu stabbiliti miżuri konkreti u effettivi biex naffaċċjaw din il-kriżi.Il-Papa Franġisku għalhekk stieden lill-parteċipanti biex flimkien, imsaħħin bil-fidi u spirtu ta’ sinċerità, juru kuraġġ u jkunu konkreti.

Bħala għajnuna żied jgħidilhom li xtaq jaqsam magħhom xi kriterji importanti li tħejjew mill-Kummissjonijiet varji u mill-Konferenzi Episkopali.  Dawn huma linji gwida biex jgħinu r-riflessjoni li tqassmu lill-parteċipanti f’forma ta’ ktejjeb.

Huma bidu sempliċi li ġew mingħandkom u li qed jerġgħu lura għandkom, qalilhom Franġisku.  Dawn ma jnaqqsu xejn milll-kreattività li għandha tkun il-karatteristika ta’ dil-laqgħa,

Fi tmiem l-introduzzjoni tiegħu l-Papa Franġisku radd ħajr lill-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ħarsien tal-Minuri, lill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi u lill-membri tal-Kumitat Organiżżattiv għax-xogħol eċċellenti li sar b’impenn kbir fit-tħejjija ta’ dil-laqgħa.

Il-Papa temm l-intervent tiegħu b’talba lill-Ispirtu s-Santu biex idawwal lil kull min hu miġbur fis-sala tas-sinodu sabiex matul dal-ġranet ikun ta’ għajnuna ħalli dan il-gwaj jinbidel f’opportunità ta’ għarfien akbar u purifikazzjoni.

Jalla l-Verġni Marija ddawwalna sabiex nagħrfu nfejqu l-ġrieħi gravi li dan l-iskandlu tal-pedofilja ġab kemm fit-tfal kif ukoll f’min jemmen, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Wara l-introduzzjoni mill-Papa, l-Arċisqof Charles J. Scicluna indirizza l-ewwel sessjoni tal-laqgħa li tintemm nhar il-Ħadd li ġej.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.