Lectio Divina għall-Ewwel Ħadd tar-Randan, Sena “Ċ”


Vanġelu: (Lq 4, 1-13): Meta naħsbu fuq ix-xitan, inpinġu mostru tal-biża’. Kieku jippreżenta ruħu hekk, ħadd ma jisma’ minnu. Il-gwaj hu li juri ruħu f’forma attraenti, u mhux kulħadd jinduna bil-maskri li jinħeba warajhom. Jiġi jsefsiflek: “Jien nixtieqlek il-ġid. Irridek tkun ferħan. Mela għamel kif ngħidlek.” Fil-Ġenesi, hu mpinġi bħala serp. Mhux għall-velenu li jista’ jtina imma għax, peress li jbiddel qoxortu kull sena, kienu jaħsbu li jġedded ħajtu mill-ġdid, u b’hekk jgħix għal dejjem. F’xi kulturi, allura, is-serp kien meqjuż li kellu s-sigriet tal-ħajja ta’ dejjem, u kellu l-qawwa li din jagħtiha lil min irid.

Il-Lhud fid-deżert, migdumin minn sriep velenużi, ħarsu lejn is-serp tal-bronż u fiequ. Imma kif nafu tajjeb, is-serp jibqa’ velenuż, u jigmek meta l-inqas tkun qed tistennieha. Kull tant nindunaw bl-ingann tiegħu meta jkun tard wisq. In-Nisrani llum irid joqgħod b’seba’ għajnejn għal b’hiex jew b’min se jinqeda biex iwaqqagħna biċ-ċejċa, tlellix jew karrotta li jdendel quddiemna. Il-proposti tiegħu qatt mhu se jwasslu għall-ħajja imma għall-mewt. Ta’ spiss jgħidlek: “Issa kbirt. M’hemmx għalfejn issaqsi x’inhu ġust u x’mhux. Dak ħallieh għat-tfal. U l-Kmandamenti? Dawk ixekkluk u ma jħallukx tgħix ferħan fil-liberta’. L-anqas Ġesu ma kien ħieles minn dawn it-tentazzjonijiet li, mhux biss kellu jitqabad magħhom fil-bidu tal-missjoni Tiegħu, imma matul il-ħajja Tiegħu pubblika.

Fil-fatt, in-numru 40 fil-lingwaġġ Bibliku, jindika ġenerazzjoni sħiħa. Is-silta tal-lum insibuha ftit wara l-magħmudija ta’ Ġesu, fejn il-Missier stqarr: “Dan hu Ibni l-għażiż, għax jixbaħni fil-valuri li jħaddan u f’dak kollu li jemmen. B’hekk jirrifletti wiċċi perfettament.”

Ġesu kellu rapporti mal-ħwejjeġ tad-dinja, mal-bnedmin u m’Alla, Minn dawn joħorġu t-tlett tentazzjonijiet prinċipali għal Ġesu, l-istess kif joħorġu għalina. Fil-waqt li x-xitan jirnexxielu jinganna ħafna minna, ma rnexxilux jidħak b’Ġesu. Ġesu kien dak li kellu jisħaqlu rasu, ħaġa li kienet imwegħidha lil Adam u Eva fil-ġnien tal-Eden. 1. “Ġesu tqanqal mill-Ispirtu…. biex imur fid-deżert.” Hija l-istess identita’ ta’ Ġesu, i.e. dik ta’ Iben Alla, li mbuttatu lejn id-deżert. Dan ifakkarna fil-mixja tal-poplu Lhudi li kien ittentat minn dawn it-tlett rejaltajiet, u ħafna drabi waqgħu għalihom. P.e. meta ngidmu mis-sriep kien simbolu tal-waqgħa tagħhom. Id-deżert hu simbolu tal-mixja lejn l-Art Imwiegħda. Il-mixja tagħna ta’ erbgħin jum (ideja aktarx meħuda mill-40 sena li l-Lhud qattgħu fid-deżert) trid issaffina sabiex inkunu ppreparati tajjeb biex niċċelebraw l-Għid. Dejjem se nkunu ttentati. Ġesu jissuġġerilna kif nirbħulu lix-xitan. “Tentazzjoni” tfisser “tqiegħed għall-prova,” tittestja biex tara x’isarraf dak li jkun. U x-xitan x’ikun?

Ejjew ninsew il-qrun u d-denb twil. Il-kelma “diabolos” tfisser twaddab (bolos) fin-nofs (dia). Bħal wieħed li jidħol bejn żewġ maħbubin biex jaqla’ l-inkwiet u jifridhom. Mela xitan hu kull min jipprova jidħol bejni u bejn il-Missier Etern biex jifridni mill-Imħabba Tiegħu. Tista’ tkun persuna, oġġett, għaqda, partit. Ġesu darba għajjar lil Pietru Satana għax kien qed jipprova jwaqqfu milli jwettaq ir-rieda t’Alla.

2. Fl-ewwel parabbola jew tixbiħa għandna l-proposta tax-xitan b’kuntrast ma’ dik tal-Missier. Ix-xitan jgħid lil Ġesu: “Int l-Iben t’Alla. Ħa ngħidlek jien xi tfisser din: biex tirrifletti l-wiċċ tal-Missier lill-bnedmin, ordna li dal-ġebel isir hobż. Inti mhux bniedem komuni. Inti superman.” Dil-proposta tippreżenta lil Alla skont il-kriterji, l-valuri u r-raġunar tal-bnedmin. Alla li jbiddel il-ġebel f’ħobż jew f’deheb hu alla falz, idolu. Illum ukoll insibu min iqim ‘l Alla b’dal-mod: “Nemmen f’Alla sakemm jeħodli ħsieb il-flus fil-bank, id-dar, il-familja, is-saħħa, eċċ.” Il-verb “tiekol” insibuh 910 darba fil-Bibbja.

Dan juri kemm Alla jimpurtah mill-għixien tagħna. Ġesu jfakkarna li l-ħobż materjali (li jinkludi dak kollu li nagħmlu b’ħilitna) m’hu qatt biżżejjed biex ngħixu ħajjitna fil-milja tagħha. Għandna bżonn, jekk mhux aktar, il-Ħobż tal-ħajja: il-Kelma u l-Ewkaristija.

3. Fit-tieni prova, ix-xitan jipproponi d-dominazzjoni tad-dinja. “Biex tagħmel suċċess, biex tilħaq il-fulfillment tiegħek, trid timponi fuq l-oħrajn. Dan tasal għalih billi tinxteħet tadurani, i.e. trid tobdi s-suġġerimenti li nagħmillek: Tħares lejn wiċċ ħadd. Fejn ikun hemm bżonn, israq, igdeb, għaffeġ fuq l-oħrajn, qabbeż ‘l-oħrajn għal xi promotion, tibżax tikkontanima l-ilma jew teqred l-ambjent biex tmexxi n-negozju ‘l quddiem jew biex tibni darek fejn trid. Id-dinja mhux hekk sejra?” Ix-xitan hu dik il-ħaġa jew xi ħadd li jħajjarni nagħmel dan kollu. Dan imur kontra dak li qal Ġesu: “Min irid ikun l-ewwel fostkom ħa jservi l-oħrajn. Hekk biss tkunu tistgħu tgħixu ħajja aktar umana u mhux bil-kontra.” Mela naduraw ‘l Alla biss, i.e. naċċettaw u nobdu l-preċetti. Jekk naċċettaw il-proposti tax-xitan inkunu qed ninżgħu mill-umanita’ tagħna u naduraw lilu.

4. Fl-ewwel prova ix-xitan stieden lil Ġesu iħares ‘l isfel. Issa jgħidlu jħares ‘il fuq. Jikkwota Salm 91: “Alla jordna ‘l-Anġli jieħdu ħsiebek.” Ix-xitan hawn qed isaqsi lil Ġesu (kif isaqsi lilna): “Inti żgur l-Iben t’Alla? Żgur li m’intix iben missier bijoloġiku biss? Mela, biex tkun żgur, ittestjah! Aqbeż minn hawn u ara jsalvakx.” Bit-tweġiba Tiegħu Ġesu jgħallimna li l-fidi tagħna f’Alla għandha tkun biżżejjed. Min iħoss il-bżonn biex jittestjaH, m’għandux fiduċja assoluta fiH. Meta koppja għarajjes iħossu l-bżonn biex jittestjaw imħabbithom, ifisser li m’hemmx imħabba assoluta lejn xulxin.

Fejn hemm imħabba vera u sinċiera, m’hemmx bżonn ta’ provi. Xi Nsara jippretendu li Alla jagħmel mirakli għalihom u mhux għall-pagani. B’hekk, ir-Reliġjon issir maġija, superstizzjoni. Irridu noqogħdu b’seba’ għajnejn kif nirrikorru għand il-qaddisin, domni, relikwi u labtijiet – dawn mhumiex ‘lucky charms’! Jew dawk li ma jaqilgħux xi grazzja malajr jibdew jistaqsu: “Imma hemm Alla jew le? Jekk, iva, fejn hu?” Dan raġunar li jkun daħħalna fih ix-xitan. Kif nindunaw li ġralna hekk, irridu nirrisponduh bħal Ġesu: “Tittantax lill-Mulej Alla tiegħek.” Tajjeb ukoll jekk naraw kemm grazzji oħra prezzjużi Alla tana (saħħa, xogħol, imħabba tal-familja w ħbieb) minn flok dik il-waħda li tlabnieh.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernandoarnellini

Author: laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.