Ittra tal-Papa fit-800 sena tal-laqgħa bejn San Franġisk u s-Sultan al-Malik al-Kāmil


Il-Ħadd 3 ta’ Marzu 2019: Il-Vatikan ippubblika ittra miktuba mill-Papa Franġsiku lill-Kardinal Leonardo Sandri, prefett tal-Kongregazzjoni għall-Knejjes Orjentali, il-mibgħut speċjali tiegħu għaċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru fl-Eġittu bejn illum il-Ġimgħa u nhar il-Ħadd 3 ta’ Marzu, fit-tmien ċentinarju tal-laqgħa bejn San Franġisk u s-Sultan al-Malik al-Kāmil.

francis-kamil.jpgIl-Papa fakkar li l-Fqajjar ta’ Assisi kien bniedem tal-paċi li kien iħeġġeġ lil ħutu reliġjużi biex isellmu lin-nies kif talabna nagħmlu Ġesù: “Il-Mulej itik il-paċi”.  San Franġisku, kiteb il-Papa, kien fehem li kollox kien inħalaq minn Ħallieq wieħed, l-uniku li hu tajjeb u li l-bnedmin kollha għandhom lilu bħala Missierhom.

Għaldaqstant kien jixtieq li b’qalb hienja u mħeġġa, lill-bnedmin kollha jwasslilhom l-aħbar tal-imħabba bla qjies ta’ Alla li jista’ kollox u ħanin, li jrid li l-bnedmin kollha jsalvaw u jsiru jafu l-verità.  Għalhekk San Franġisku kien jibgħat lill-patrijiet imsejħin minn Alla biex imorru qalb is-Saraċini u nies mhux insara, minkejja l-perikli.

Franġisku nnifsu, kompla jikteb il-Papa, ħa miegħu patri jismu Illuminato u rħiela lejn l-Eġittu fis-sena 1219.  F’Damietta, lejn it-tramunana tal-Kajr, iltaqa’ mas-Sultan.  Għall-mistoqsijiet tal-kap tas-Saraċini, il-qaddej t’Alla Franġisku kien wieġeb b’qalb kuraġġuża li ma kienx mibgħut mill-bnedmin iżda minn Alla l-aktar għoli, biex juri lis-Sultan u lill-poplu tiegħu it-triq tas-salvazzjoni u jħabbar il-Vanġelu tal-Verità.  U meta ra l-ħeġġa tal-ispirtu u l-virtuwjiet ta’ dal-bniedem t’Alla, is-Sultan qagħad jisimgħu.

Il-Qdusija Tiegħu eżorta lill-Kardinal Sandri biex iwassal it-tislima fraterna lill kulħadd, insara u musulmani.  Awgura li ħadd ma jċedi għat-tentazzjoni tal-vjolenza, speċjalment bl-iskuża tar-reliġjon.  Pjuttost, hemm bżonn isiru proġetti ta’ djalogu, rikonċiljazzjoni u koperazzjoni li jwasslu għall-fraternità bejn il-bnedmin, ixerrdu l-paċi u r-riżq skont kliem il-Profeta Iżaija: Ġens ma jerfax ix-xabla kontra ġens ieħor u ma jitħarrġux aktar fis-sengħa tal-gwerra.

Il-Papa jtemm l-ittra bil-barka tiegħu fuq kull min se jieħu sehem f’dan l-avveniment memorabbli, u fuq kull min imexxi ‘l quddiem id-djalogu inter-reliżjuż u għall-paċi.

Fil-bidu ta’ Frar il-Papa kien żar l-Emirati Għarab Magħquda, propju fit-tifkira ta’ dan it-tmin ċentinarju tal-laqgħa bejn San Franġisku u s-Sultan u f’Abu Dhabi kien iffirma Dokument ta’ “Fratellanza Umana għall-Paċi Dinjija u l-konvivenza komuni”, flimkien mal-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, Aħmad al-Tajjib.

Waqt il-laqgħa inter-reliġjuża l-Papa kien afferma li b’qalb grata lejn il-Mulej hu kien ħa l-opportunità li jżur l-Emirati bħala bniedem li jemmen għatxan għall-paċi, bħala bniedem li qed ifittex il-paċi flimkien ma’ ħutu.  Irridu nkunu, kien qal dakinhar il-Papa, strumenti tal-paċi, inġibu l-paċi: għalhekk ninsabu hawn.

San Franġisk ta’ Assisi, min tmin mitt sena ‘l hawn baqa’ dejjem profezija għall-umanità kollha.  Fl-eqqel tal-Kruċjati hu mar hemmhekk bla armi, bil-Vanġelu biss f’idejh, qalb l-għedewwa tal-insara ta’ dak iż-żmien.

Waqt il-quddiea li kien iċċelebra fil-grawnd tal-isports Zayed City, f’Abu Dhabi, fil-5 ta’ Frar, il-Papa kien spjega l-beatitudni tal-manswetudni u fakkar il-parir li kien jagħti San Franġisku lill-patrijiet li kienu jmorru qalb is-Saraċini: “Targumentawx, titlewwmux imma kunu suġġetti għal kull ħlejqa umana għall-imħabba t’Alla u stqarru li intom insara”.

Il-Papa kien żied jgħid li dak iż-żmien, żien il-Kruċjati, filwaqt li ħafna kienu jitilqu armati sa snienhom, San Franġisku kien ifakkar lill-patrijiet li n-nisrani jmur armat biss bil-fidi umli tiegħu u b’imħabba konkreta.  Il-manswetudni hija importanti għax jekk ngħixu fid-dinja skont kif irid Alla nsiru xhieda tal-preżenza tiegħu, inkella ma nagħmlux frott, kien temm l-omelija l-Papa Franġisku.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

francis-kamil.jpg

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.