Il-Papa f’Santa Marta: Ma ninsewx dak li l-Mulej għamel f’ħajjitna


Il-Ħamis, 7 ta’ Marzu 2019: Nibdew ir-Randan billi nitolbu l-grazzja tal-memorja, li niftakru dak li l-Mulej għamel fil-ħajja tagħna. Fil-mixja lejn il-laqgħa ma’ Ġesù Rxoxt, irridu noqgħodu attenti li ma mmorrux lura, li qalbna ma tkunx truxa u biex ninħelsu mill-periklu tal-idolatrija. Hekk qal il-Papa dalgħodu fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Ir-riflessjoni tal-Papa tnebbħet mill-ewwel qari meħud mid-Dewteronomju. Hija silta mid-diskors li għamel Mosè biex iħejji l-poplu li kien sejjer lejn l-Art Imwiegħda. Lill-poplu Mosè għamilu sfida: għażla bejn il-ħajja u l-mewt.

Huwa appell għal-libertà tagħna, osserva l-Papa Franġisku li silet tliet osservazzjonijiet li għamel Mosè: “qalbek terġa’ lura”, “jekk ma tismax”, “qalbek tintgħewa u tqim allat oħra u taqdihom”.

Meta qalbna tmur lura, tieħu triq li mhix tajba, titlef it-triq, titlef il-boxxla li tmexxiha ‘l quddiem. Qalb mingħajr boxxla hija periklu pubbliku, periklu għall-persuna u għal ħaddieħor. Il-qalb taqbad dit-triq meta ma tismax, meta titkaxkar mal-kurrent, iġġorr fiha allat oħra u ssir idolatra.

Imma aħna m’aħniex hekk, m’għandniex qalbna truxa. Aħna wkoll xi kultant tittarxilna qalbna, ma nisimgħux lill-Mulej li wissiena biex noqogħodu attenti mill-ġiġġifogu li jippreżentawlna l-allat foloz, li jressquna lejn l-idolatrija. Dan hu l-periklu li niltaqgħu miegħu fi triqtna lejn l-art imwiegħda, l-art tal-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt.

Ir-Randan jgħinna nimxu f’dit-triq, issokta l-Papa, it-triq li nisimgħu lill-Mulej u l-wegħdiet li għamlilna. M’għandiex nitilfu l-memorja tal-ħwejjeġ kbar li Hu għamel magħna matul ħajjitna, li għamel fil-Knisja tiegħu, lill-poplu tiegħu, u fil-mixja tagħna nistrieħu biss fuq il-forzi tagħna, l-awtosuffiċjenza tagħna. Għaldaqstant il-Papa Franġisku ħeġġiġna biex ir-Randan nibdewh billi itolbu l-grazzja tal-memorja.

Il-Papa Bergoglio mbagħad reġa’ kkwota d-diskors ta’ Mosè li kien ħeġġeġ lill-poplu biex meta jasal fl-art imwiegħda, li kisibx b’ħiltu, jiftakar fil-mixja kollha li mexxieh fiha l-Mulej. Meta nħossuna f’sikkitna, ikkumenta Franġisku, meta kollox ikun fil-qabda, inkunu f’postna spiritwalment ukoll imma hemm il-periklu li nitilfu l-memorja tal-mixja.

Ir-riżq, anki r-riżq spiritwali jgħaddi minn dal-periklu: il-periklu li naqgħu fl-amnesija, li ninsew, li tonqosna l-memorja: inħossni tajjeb kif jien u ninsa dak li għamel miegħi il-Mulej f’ħajti, il-grazzji kollha li tana u nibda nemmen li ksibt kollox bil-ħila tiegħi u nibqa’ miexi hekk. B’hekk il-qalb tibda sejra lura għax ma tibqax tisma leħinha stess.

Nirriskjaw ukoll, issokta jgħid, filwaqt li kkowta mill-Ittra lil-Lhud, li għandna niftakru “fl-ewwel jiem”. It-telf tal-memorja hu komuni ħafna, osserva, il-poplu Lhudi tilef il-memorja wkoll għax f’dat-telf ta’ memorja hemm xi ħaġa selettiva, li tagħżel: niftakar dak li jaqbilli u ninsa dak li jheddidni.

Per eżempju, l-poplu kien jiftakar dak li għadda minnu fid-deżert, li Alla kien salvah imma beda jgemgem minħabba n-nuqqas tal-ilma u tal-laħam filwaqt li jiftakar f’dak li kellu fl-Eġittu. Dan hu selettiv, ikkummnta l-Papa, għax il-poplu nesa li dak l-ikel tal-Eġittu kien jieklu fil-jasar.

Biex nimxu ‘l quddiem neħtieġu l-memorja: ma ninsewx l-istorja tas-salvazzjoni, l-istorja ta’ ħajjitna, l-istorja ta’ Ġesù li jinsab miegħi. U qatt m’għandna nieqfu, induru lura, ma nħallux lill-idoli jkaxkruna magħhom. Infatt l-idolatrija mhix biss li tmur f’xi tempju ta’ alla pagan biex tadura statwa.

L-idolatrija hi atteġġjament tal-qalb, meta inti tagħżel ħaġa għax hi aktar komda għalik u mhux għall-Mulej, għax lill-Mulej tkun insejtu. Fil-bidu tar-Randan jagħmilna tajjeb nitolbu l-grazzja li nħarsu l-memorja, il-memorja ta’ dak kollu li l-Mulej għamel miegħi f’ħajti, kemm ħabbni.

Jagħmlilna tajjeb ukoll intennu spiss il-parir li Pawlu ta lil Timotju, id-dixxiplu maħbub tiegħu: Ftakar f’Ġesù Kristu mqajjem mill-imwiet. Niftakar f’Ġesù li għadu miegħi s’issa u se jibqa’ jakkumpanjani sal-waqt li fih irrid nidher quddiem il-glorja tiegħu. Jalla l-Mulej itina dil-grazzja li nħarsu l-memorja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber.