Il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu 2019: Il-Papa Franġisku flimkien mal-kollaboraturi tiegħu li sa għada l-Ġimgħa qed jagħmlu l-eżerċizzi spiritwali, nhar it-Tlieta semgħu riflessjoni dwar kif nistgħu nroddu lura s-sbuħija lill-ibliet tagħna billi neliminaw l-indifferenza u l-mard li hemm fihom.
Il-predikatur Benedittin, l-Abbati Bernardo Francesco Maria Gianni qal li hemm ħtieġa li nneħħu minna l-indifferenza li biha qed niskartaw mir-responsabbiltà tagħna lejn l-oħrajn. Dan nagħmluh billi nfittxu s-sbuħija u l-bilanċ li jiġi mill-fatt li Alla jħobbnu u aħna, min-naħa, tagħna nħobbuh lura.
Fir-riflessjoni bit-tema “L-għajb tal-lum, id-diżastru u l-indifferenza” l-abbati qal li aħna msejħin biex inħarsu lejn il-ġrieħi tal-ibliet li huma kumplessi u mmarkati b’inġustizzji ta’ kull xorta. Biex naslu għal dan, kif jgħid il-Papa Franġisku, irridu naraw li r-realtà tiddomina fuq l-ideat, mhux bil-maqlub.
Il-predikatur tkellem dwar l-indifferenza, wieħed mis-sinjali tal-ħażen li spiss jipparaliżżalna qlubna bla ma nkunu nintebħu u ċċajprilna għajnejna. L-indifferenza, issokta jgħid, hi tarka li ma tħalliniex nieħdu r-responsabbiltà tal-oħrajn. Tmur kontra l-passjoni evanġelika li l-Mulej iridna nkebbsu bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li għandna fi qlubna.
L-azzjoni tal-Knisja u tal-bnedmin ta’ rieda tajba, kompla jispjega Bernardo Francesco Maria Gianni, trodd dan il-frott għax tisma’ ħerqana u bl-ubbidjenza l-Vanġelu tal-ħajja ta’ Ġesù. Bil-qdusija ta’ żminijietna, dak l-irmied jista’ verament iqabbad in-nar tat-tama fid-dalma tal-lejl tal-ibliet tad-dinja.
It-tentazzjoni tal-indifferenza, li lanqas in-nies tal-Knisja m’huma meħlusin minnha, nistgħu negħlbuha jekk aħna ninkarnaw il-Kelma t’Alla fl-ibliet tagħna, jiswielna x’jiswielna.
Dan l-għan jintlaħaq jekk aħna nużaw il-mediċina tas-sbuħija u l-proporzjon. Il-bniedem għandu bżonn ifittex bilanċ miegħu innifsu u bejnu bejn il-ħwejjeġ l-oħra. Ifisser li jwarrab kompletament l-illużjoni li hu ċ-ċentru ta’ kollox u jiftaħ għajnejh għar-realtà biex jara d-dawl u jisma s-silenzju veru.
Mhux aħna imma Kristu hu ċ-ċentru tal-istorja u tal-ispazju. Aħna lilu rridu nixbħu għax b’hekk inkunu qed inferrħu lill-Missier. Ir-riżultat ta’ mixja tajba tar-Randan, qal l-abbati, hi li nħallu l-id ta’ Alla tirrestawralna s-sbuħija tagħna li mhi xejn ħlief tafal dgħajjef u fqajjar bil-ħtieġa tan-nifs ta’ Alla. Jekk nintelqu għal kollox f’idejn Alla, qal l-Bernardo Francesco Maria Gianni, insiru kapulavur perfett tiegħu.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija