L-Erbgħa 10 ta’ April 2019: Il-Papa Franġisku kellu udjenza ma’ grupp ta’ ġurnalisti Ġermaniżi fil-Vatikan. Fid-diskors li għamlilhom saħaq ħafna li għandhom jirrappurtaw il-fatti, jiddjalogaw u jirrispettaw id-dinjità tal-persuna umana.
Il-ġurnalisti kienu kattoliċi u evanġeliċi u wkoll xandara tal-meżżi pubbliċi. Il-Papa Franġisku għenhom jirriflettu dwar tliet punti:
L-ewwel: id-djalogu. Il-Papa faħħar dak li hu sejjaħlu “id-djalogu ħaj bejn il-Knejjes u l-mezzi tax-xandir pubbliċi fil-Ġermanja. Bi djalogu bħal dan, osserva Franġisku, tifhmu lil xulxin għax jiftaħ l-ixqfa u joħloq spazju għal bdil ta’ fehmiet, informazzjoni, opinjonijiet u analiżi skjetti.
It-tieni punt li tkellem dwaru l-Papa kien ir-rappurtaġġ, u qal li dan għandu jkun fattwali filwaqt li ħeġġeġ lid-delegazzjoni biex jagħmlu ħilithom kollha sabiex jaraw li minflok il-’fake news’, l-aħbarijiet qarrieqa, jkunu oġġettivi minflok jorbtu fuq id-diċeriji u jkunu eżatti fir-riċerki li jagħmlu minflok ifajjru titoli bl-addoċċ.
Id-dinjità umana kien it-tielet punt li kellimhom dwaru l-Papa. Franġisku qalilhom li issa ilna żmien naraw evoluzzjoni li tħassbek fid-dinja: l-isfida tad-dritt għall-ħajja, l-ewtanasja, nies imċaħħdin mill-ugwaljanza, mormijin, il-vjolazzjoni tad-dinjità umana u tal-libertà tal-kuxjenza.
F’dax-xenarju, issokta jgħidilhom il-Papa, il-mezzi tax-xandir pubbliċi għandhom responsabbiltà li jieħdu pożizzjoni soda favur il-libertà umana. Il-Knejjes itukom sapport f’dan is-servizz għaliex dik hi l-missjoni li Kristu afdalhom f’idejhom.
Bħala ġurnalsiti, temm jgħidilhom il-Papa, iċ-ċentru tal-attenzjoni tagħkom għandhom ikunu n-nies u stqarr li jittama li dak li f’dak li jirrappurtaw qatt ma jkunu nieqsa l-ħafna aħbarijiet pożittivi li tajjeb li jirrakkuntawhom biex lin-nies iseddqulhom it-tama.
Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija