Ħa fuqu d-dnub tal-umanita’


Il-Ġimgħa, 19 ta’ April 2019: Riflessjoni mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi waqt l-Azzjoni Liturġika tal-lum, il-Ġimgħa l-Kbira, fid-Dar tal-Kleru.

041.155573654333

ĦA FUQU D-DNUB TAL-UMANITÀ

Min ħares b’imħabba lejn Ġesù msallab dak inhar tal-mewt tiegħu, aktarx ħaseb: rebaħ il-ħażen. Il-ħażen xejjen it-tajjeb.

Dawk l-idejn li kienu jbierku, iħaddnu lin-nies, ifejqu issa qegħdin marbutin u msammra. Ma jistgħux jiċċaqalqu.

Dawk is-saqajn li kienu jterrqu minn post għall-ieħor u jwasslu lil Ġesù qalb kull tip ta’ nies issa msammra wkoll.

Dak il-wiċċ li ġab faraġ, konsolazzjoni, lil tant nies issa hu wiċċ sfigurat, bilkemm tista’ tagħrfu.

Dak il-leħen li tant għallem ġid, tant wassal paċi, issa hu leħen miksur jgħid biss bi tbatija ftit kelmiet tal-aħħar.

Dik il-qalb kollha mħabba u ħniena issa qed tirċievi l-ingratitudni, l-insulti, iż-żeblieh.

Rebaħ il-ħażen?

Verament meta tħares lejn Ġesù fuq is-salib, jista’ jgħaddi l-ħsieb: rebaħ il-ħażen, ġie mxejjen it-tajjeb. Rebħet l-għira, il-mibegħda, il-vjolenza, it-tkasbir ta’ min hu innoċenti.

Imma veru rebaħ il-ħażen? Il-ġrajja li qed niċċelebraw illum trid twasslilna l-messaġġ li dan kollu Ġesù għadda minnu verament, imma għadda minnu biex isalva lil kull wieħed u waħda minna. Ħa fuqu d-dnub tal-umanità, mhux biex il-mewt teqred lilu imma biex hu jirbaħha.

Aħna xxurtjati li nafu li l-istorja ma tiqafx fuq is-salib, imma s-salib kien it-triq li twassal għall-glorja.

Ġesù jifdi lill-bniedem mill-ħażen

Għalhekk meta nħarsu lejn is-salib ma ngħidux: il-ħażen hu rebbieħ, m’hemmx x’tagħmel; imma ngħidu: il-ħażen hu ikrah ħafna, imma Ġesù ħadu fuqu biex rebħu. U lilna wegħidna li jekk nissieħbu miegħu, aħna wkoll ma nibqgħux f’ħajjitna lsira tal-ħażen imma nqumu għal ħajja ġdida.

Lilna jsejħilna wkoll biex ngħaqqdu t-tbatijiet tagħna ma’ tiegħu fuq is-salib, u bis-saħħa tiegħu jsiru għalina wkoll mezz ta’ fidwa.

Għalhekk aħna u nbusu lil Ġesù msallab, ngħidulu li aħna grati lejh tas-salvazzjoni li ġabilna. Nitolbuh li nissieħbu miegħu fir-rebħa fuq il-ħażen, u nitolbuh ukoll li jagħtina l-qawwa tiegħu f’kull mument ta’ tbatija biex din issir għalina wkoll it-triq għall-glorja.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju