Ħatra ta’ Segretarju Pastorali u Delegat għad-Djakonija f’Għawdex


B’effett mil-lum, 22 ta’ Mejju 2019, l-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ħatar lil Dun Daniel Sultana mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, ix-Xagħra, bħala Segretarju Pastorali, u lil Dun Giovanni M. Curmi mill-Parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu, il- Munxar, bħala Delegat għad-Djakonija.

ritratti

DUN DANIEL SULTANA, mix-Xagħra, Għawdex, ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Mejju 2014, wara li temm il-formazzjoni tiegħu fis-Seminarju Maġġuri tal-Qalb ta’ Ġesù. Matul l-ewwel snin tas-saċerdozju, waqt li kien kollaboratur parrokkjali fil-Parroċċa San Gabrijel tal- Addolorata, Ruma, segwa l-kors fil-Komunikazzjoni Soċjali Istituzzjonali fi ħdan l- Università Pontifiċja Santa Croce. Minn Ottubru 2018, huwa nħatar Assistent Segretarju Pastorali fid-Djoċesi ta’ Għawdex, u Vigarju parrokkjali fil-Parroċċa tal-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

DUN GIOVANNI M. CURMI, imwieled il-Munxar, Għawdex, ġie ordnat saċerdot fit-22 ta’ Ġunju 1991. Wara l-ewwel snin ta’ ħidma pastorali f’Ruma, ġie msejjaħ lura Għawdex, fejn qeda f’diversi uffiċċji u ministeri pastorali fid-Djoċesi. Il-ministeru saċerdotali tiegħu għadu jwettqu sal-lum fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb, fl-inħawi ta’ Taċ-Ċawla, il-Belt Victoria. F’dawn l-aħħar snin ħadem fis-Segreterija Pastorali fil-Kurja tal-Isqof u, skont il- ħtieġa, ta l-għajnuna tiegħu fil-kappellanija tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.