33. Il-Ħamis wara l-Ħames Ħadd tal-Għid
Kitba ta’ Angelo Xuereb
Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-Sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla (Kol 3,1).
San Pawl qiegħed iwissina biex infittxu l-ħwejjeġ tas-sema l-ewwel u qabel kollox. Dan huwa l-messaġġ tal-Għid: ir-rebħa tkun ukoll tagħna jekk ngħixu fi Kristu.
Jekk inħarsu ftit madwarna naraw kemm persuni kellhom teżori kbar iżda ma kinux jafu japprezzawhom. U għalhekk spiċċaw biex biegħu dawn it-teżori għal ftit flus, irmewhom jew kissruhom, għax m’għarfux il-valur kbir tagħhom.
U l-istess huma l-valuri spiritwali. Huma teżor kbir, iżda jekk ma napprezzawhomx, nispiċċaw biex nitilfuhom. Huwa veru li l-bniedem dment li għadu fid-dinja għandu bżonn ukoll il-ħwejjeġ materjali. Iżda dawn ma jgħaddux il-valuri spiritwali. Ta’ din id-dinja kollu jrid jispiċċa.
Meta l-valuri materjali jibdew ikissru l-valuri spiritwali, in-Nisrani għandu jistaqsi jekk huwiex qiegħed iħares lejn Kristu Rxuxtat jew lejn din id-dinja biss. X’inhu l-aqwa? X’jiġi l-ewwel? X’jibqa għal dejjem?
Biex napprezzaw u ngħixu l-valuri spiritwali, irridu ngħaddu mit-tbatija u minn sens ta’ ċaħda. Din mhix telf iżda qligħ. It-tbatija ma’ Kristu ġġib rebħa dejjiema. Li nitilfu issa, għad insibuh aqwa fl-eternità.
Qabel il-passjoni, l-Appostli kellhom mentalità ta’ din id-dinja, u ma kinux jifhmu lil Ġesù u l-missjoni tiegħu. B’daqshekk ma kinux nies ħżiena iżda kellhom jimxu aktar ‘il quddiem. Wara li għexu l-esperjenza tal-Għid u niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu, saru persuni ġodda għax inbidlet il-viżjoni tagħhom.
Huwa permezz ta’ din l-esperjenza tal-Għid, li għandha tibdilna, li aħna nsiru aktar ta’ Kristu, u nħalluh jidħol f’qalbna u f’ħajjitna kollha.