Meta jispiċċaw il-ħażniet li hemm bħalissa, fit-territorju tal-Istat żgħir tal-Vatikan mhux se jibqa’ jinbigħ aktar plastik li jintuża darb u jintrema. L-Unjoni Ewropea għandha l-għan li sal-2021 tagħmel l-istess, imma l-Vatikan ilu li beda jillimita l-użu ta’dat-tip ta’ plastik u issa se jwaqqfu għal kollox. Hekk iddikjara Rafael Ignacio Tornini kap tad-dipartiment li jieħu ħsieb il-ġonna u l-ġbir tal-iskart f’dan l-Istat.
Il-basktijiet, il-fliexken tal-ilma, frieket u skieken, straws, pakketti tal-ikel u bżieżaq huma fost l-aktar li jniġġsu l-ambjent.
Il-Vatikan ilu jaħdem biex inaqqas il-ħsara fl-ambjent, infatti ilu mill-2008 juża l-pannelli solari li hemm fuq l-Awla Pawlu VI biex jiġġenera l-enerġija.
Wara li beda l-programm ta’ riċiklaġġ fl-2008, qal Tornini, issa l-iskart qed ikun magħżul u jittama li ma jdumux ma jaslu jilħqu l-istandards mitlubin mill-Unjoni Ewropea li 70%-75% tal-iskart ikun riċiklat.
Fl-Istat tal-Vatikan jgħixu anqas minn elf persuna, imma kull sena għadd bla qies ta’ nies iżuru l-Vatikan.
Minn dak li jħallu warajhom it-turisti, kuljum jinġabru mal-10 kili ta’ dan it-tip ta’ plastik minn ġot-tankijiet li hemm taħt il-kolonnat ta’ San Pietru.
Tornini żied jgħid li minkejja dawn l-isforzi kollha l-aktar ħaġa meħtieġa hi bidla fil-mentalità
Tornini qal li fl-Istat tal-Vatikan qed jieħdu ħafna bis-serjetà dak li ssuġġerixxa l-Papa Franġiksu fl-Enċiklika “Laudato sì” biex tkun imħarsha d-dar komuni tagħna.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija