Knisja  Kattolika ġdida fl-Oman

Print Friendly, PDF & Email

Għadha  kemm  infetħet  Knisja  Kattolika fil-Peniżola Għarbija, fil-belt ta’ Salalah fl-Oman. Il-Knisja ta’ San Franġisku Saver tilqa’ fiha 600 ruħ, filwaqt li sala qrib takkomoda 400 ruħ oħra.

oman.jpg
Fl-inawgurazzjoni tal-knisja mibnija fi 18-il xahar biss

Il-knisja, imsemmija għall-patrun tal-missjonijiet, se taqdi l-aktar ħaddiema barranin minn postijiet bħall-Filippini. L-Oman għandu 86% tal-popolazzjoni Musulmana, u l-Kristjani jagħmlu biss 6.5%. Hemm madwar 60,000 Kattoliku residenti fl-Oman, li huma moqdija minn 5 parroċċi, tnejn il-kapitali, Muscat, tnejn f’Salalah u waħda f’Sohar.

L-Arċisqof Francisco Montecillo Padilla,id-Delegat   Appostoliku   għall-Peniżola Għarbija, esprima  l-ħajr tal-Knisja Kattolika lejn is-Sultan Qaboos Bin Said al Said, li ta l-permessi kollha għall-bini tal-knisja. Huwa qal li l-Awtoritajiet ċivili wrew benevolenza lejn il-ħtiġijiet tal-Kristjani li jgħixu fil-pajjiż, b’hekk urew lid-dinja li l-“Oman jgħix fil-paċi minħabba t-tolleranza reliġjuża tiegħu, u l-wegħda tiegħu biex jgħixha.”

L-Arċisqof qal li din il-knisja l-ġdida hija sinjal li “Alla dejjem jimxi magħna fi żminijiet tajbin u inqas tajba, anke jekk it-talb tagħna mhux dejjem ikunu milqugħa fil-pront.”

It-tolleranza tal-Oman għall-Kristjani tmur lura lejn is-snin 70 meta fl-1979 is-Sultan Qaboos bin Said ta l-art biex fuqha tinbena l-ewwel knisja f’Salalah. Fl-1981, infetah ċentru ekumeniku ddedikat lit-Tliet Slaten Maġi, biex ifakkar li wieħed minnhom kien propju mill-Oman, post li minn żminijiet antiki kien magħruf għall-produzzjoni tal-inċens u l-mirra.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Rasdju Marija

%d bloggers like this: