L-Għolja tal-Arkanġlu


Kmieni filgħodu, il-qanpiena tħabbar il-ħin tal-laudi, li jsir fil-kripta żgħira ta’ ‘Notre- Dame-des-Trente-Cierges (Sidtna tat-Tletin Xemgħa)’, fl-abbazija Benedittina ta’ Mont Saint-Michel. Il-kant f’erba’ ilħna, minn ħamest irġiel u seba’ nisa lkoll lebsin l-abjad, jidwi fl-arkati tal-kripta. L-irġiel naħa, u n-nisa naħa oħra, għax hekk titlob ir-regola tal-Konfraternita’ Monastika ta’ Ġerusalem, li jgħixu fl-Abbazija.

Mont Saint Micel Il-villagg ta' Mont Saint Michel
Triq fil-villaġġ

Mont Saint-Michel hi gżira fuq għolja blatija f’nofs -xtajtiet tar-ramel bejn in-Normandija u l-Brittanja, fi Franza. Hi esposta għal-aktar tides qawwija fil-Kontinent hekk li ġieli jdawruha bil-baħar. Qabel is-sena 708, il-gżira kienet magħrufa bħala Mont-Tombe, sakemm San Aubert, I-isqof ta’ Avranche – belt fil-qrib tal-gżira – kellu dehra minn San Mikiel u bena knisja f’ġieħ l-Arkanġlu u semma l-gżira Mont Saint-Michel. Fis-sena 966 waslu l-patrijiet Benedittini u bnew il-monasteru, li fi żmien ir-Revoluzzjoni Franċiża sar ħabs għal ‘reati’ politiċI, sa’ l-1863 meta l-Gvern Franċiż għażlu bħala monument ta’ storja u arkitettura. Dan bir-raġun, għax Mont Saint-Michel hi meqjusa bħala ‘ġawhra ta’ arkitettura’ kif ukoll ‘il-Meravilja tal-Punent’. Il-gżira hi fortifikata bis-swar hekk li qatt ma ntrebħet mill-Ingliżi li attakkawha ħafna drabi matul il-‘Gwerra tal-Mitt Sena’.

Mont Saint Michel 1.jpg
Il-gżira ta’ Mont Saint-Michel

Mont Saint-Michel għandha tradizzjoni antika ta’ pellegrinaġġi. Dawk li kienu jterrqu mill-mogħdijiet li jwasslu għaliha kellhom f’moħħhom il-mixjiet bibbliċi, fosthom dik ta’ Mose’ fl-inxief tal-Baħar l-Aħmar. Minħabba t’tide, dawn il-passaġġi kienu iktar perikulużi mil-lum, meta hemm pont sigur għat-turisti, li jlaħħqu mat-tlett miljuni fis-sena.

Biex tasal sal-knisja, trid tgħaddi minn taraġ għoli u dejjaq. Hemm statwa ta’ San Mikiel, bil-miżien f’idejh li skond l-istoriċI qiegħed hekk ‘biex jiżen l-erwieħ fil-lejla tal-Ġudizzju. Fil-Medju Evu, il-pellegrinaġġ kien qabel kollox mixja penitenzjali. San Mikiel kien meqjus bħala d-difensur li jrazzan lill-ħażin u jidħol medjatur bejn il-bnedmin u Alla. Testi li jwasslu sa’ l-1020 isejħu t-toroq dojoq li jwasslu għal Mont Saint-Michel bħala ‘toroq tal-Ġenna’. Dan hu seklu qabel ma jissemmew it-toroq li jwasslu għal San Ġakbu ta’ Compostella.

Għalkemm illum fadal biss ftit monaċi fl-Abbazija – mill-Fraternita’ Monastika ta’ Ġerusalemm – Mont Saint-Michel toffri spiritwalita’ marbuta mal-karattru tagħha ta’ iżolament, minkejja n-numru kbir ta’ turisti li jżuruha. Il-preżenza tal-monaċi hi sinjal qawwi għat-turisti li l-Abbazija hi post ta’ talb, qabel ma hi mużew. Mont Saint-Michel tibqa’ fost l-ogħla ċentri ta’ ‘spiritwalita’ oċċidentali li tħajjar għal esperjenza spiritwali mhux tas-soltu, f’ambjent naturali u arkeoloġiku li jsaħħar.

Mont Saint Michel Il-knisja
Il-Knisja, il-qalba ta’ Mont Saint-Michel

 L-egħruq ta’ l-Ewropa huma egħruq Insara. Jekk jgħibu d-dokumenti, jitkellem il-blat dwar dan. Il-Kattidrali u l-monasteri ghadhom iħarsu mill-għoli, ukoll fl-ibliet kbar. Il-bini għoli m’għattiex il-kampnari tal-knejjes mill-iskyline.

 Grazzi għall-istorja rikka tagħha, L-Ewropa toffri postijiet ‘qaddisa’, li bdew bħala santwarji ta’ spiritwalita’ u saru destinazzjoni turistika. Dan ma skuraġġiex lil Ordnijiet reliġjużi biex jieħdu vantaġġ minn dan l-influss lejn l-Abbaziji tagħhom.

 Maż-żmien nibtu numru sabiħ ta’ inizjattivi fejn, qalb is-sbuħija naturali u l-kwiet tal-lokal, isiru rtiri u laqgħat ta’ talb li wasslu lil ħafna biex jiskopru l-ħajja interjuri.

 Iktar mill-arkitettura nisranija, in-nies iridu jaraw ruħ nisranija. Biex niġu għal pajjiżna, meta l-barranin iżuru l-knejjes tagħna, jaraw il-festi tal-Qaddisin tal-belt jew raħal, fil-persuni jridu jaraw ħajja nisranija u mġieba li hi konformi mal- kultura nisranija.

“Dawn is-swar jistednuk għall-interjorita’ u għall-fermezza. Id-dinja tal-lum tagħġnek għall-mod tagħha. Hawnhekk trid tkun sod ; ftit hawn post għad-dubju u għall-mistoqsijiet fiergħa. Hawn dik is-solitudni li tiddisponik għall-ħajja tat-talb ¨

¨Jiena nemmen sinċerament li tgħodd għal-lum l-‘ispiritwalita’ ta’ San Mikiel’. Dak li rażżan lill-ħażin jagħtini messaġġ ta’ ħelsien u jagħtini l-qawwa li neħodha konta l-ħazen u kontra dak kollu li jfixkilni.”

Soeur Marie-Thérèse, waħda mill-ftit sorijiet tal-komunita’ ta’ Mont Saint-Michel.

Kitba ta’ Joe Galea