Lectio Divina tal-25 Ħadd matul is-Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 16, 1-13):  Għandu mnejn li se nitħawdu ftit meta nisimgħu il-parabbola tal-lum għax jidher li s-sid qed ifaħħar qaddej diżonest.  Imma qed ifaħħru għax kien ħalliel jew għax kien għaref fl-aġir tiegħu?

  1. Biex nifhmu sew, jiħtieġ niftakru fil-qagħda soċjali u ekonomika ta’ dak iż-żmien. F’Israel, wieħed kien isib pjanuri kbar ta’ raba’ fertili ħafna, e.g. f’Xaron, Esdrelon u Netofa.  Is-sidien tagħhom kienu sinjuri li joqogħdu fl-ibliet ta’ Israel, anki Ruma.  Biex l-art tagħti frott abbundanti, kienu jaħtru amministraturi, u dawn kienu jimpjegaw bdiewa u nies oħra.  Kull amministratur kien mistenni jrodd lis-sid ċertu ammont ta’ frott kull sena.  Iż-żejjed kien iżommu hu bħala l-ħlas tiegħu.  Ħaġa naturali li kien jagħmel minn kollox biex iqarraq lil sidu, l-aktar meta dan rari kien jersaq lejn l-għelieqi tiegħu.
  2. Issa naraw minn huma dawk li nsibu fil-parabbola:  “Raġel għani kellu amministratur.” Is-sid hu simbolu t’Alla, u l-amministratur il-bniedem.  Ma nistgħux ninsew li meta niġu fid-dinja ma nġibu xejn magħna.  Aħna m’aħniex is-sidien.  Kulma aħna u kulma għandna silifhomna Alla biex namministrawhom skont ix-xewqa tiegħu.  Veru li jtina l-mezzi biex ngħixu ħajja diċenti, imma l-bqija – ġid, talenti, ħiliet, ħin, saħansitra ħajjitna stess – irridu nużawhom skont ir-rieda t’Alla:  “Kull wieħed minnkom jgħix skont id-don li rċieva u jinqeda bih għall-ġid tal-oħrajn, hekk tkunu amministraturi tajbin tal-grazzja t’Alla” (1Pietru 4. 10), għax kull wieħed għandu kwantita’ ta’ doni differenti minn ta’ ħaddieħor. “In-nies għandhom iħarsu lejna bħala qaddejja u amministraturi tat-teżori t’Alla; l-amministraturi wieħed jistennihom li jkunu fidili” (1 Kor 4.1), għax is-sid xi darba jiġi jitlobhom kont tal-ġid tiegħu (mhux tagħhom).  Dan jgħinna biex dejjem inżommu saqajna mal-art u niftakru li aħna pellegrini fi vjaġġ. Inkella nibnu kastelli (fl-arja?) li minn għalina se ngħixu fihom għal dejjem.
  3. “ …. u ‘l dan xlewh li kien qed iberbaqlu ġidu.”  Ġa għidna kemm kienu jippruvaw iqarrqu.  Is-sid ried jara l-kotba tal-kontijiet.  L-amministratur induna li se jinqabad u se jitkeċċa.  Ried jara x’se jagħmel meta dak il-ġid kollu ma jibqax f’idejh aktar.  Dan se jiġri lil kull wieħed minna meta l-ġid li minn għalina hu tagħna ikollna nitilquh minn taħt idejna.  Li jgħodd hu x’użu nkunu għamilna minnu u  jekk immaniġġajnihx skont ix-xewqat tas-Sid.  Dan ma jgħoddx biss għall-ġid materjali imma wkoll għall-ħin, ġiegħ, prestiġju, ittri wara isimina u pożizzjoni fil-karriera..
  4. “Agħti kont tal-amministrazzjoni tiegħek.”  Dan il-qaddej kien jaf li hu ħati u l-anqas biss ipprova jiddefendi ruħu.  Ġesu’ jippreżentah qed jirrifletti u jirraġuna bejnu u bejn ruħu biex, b’dan il-monologu,  itina tagħlima għal ħajjitna:  “X’se nagħmel la sidi se jneħħili l-amministrazzjoni?”  Dil-mistoqsija jiħtieġ inkunu ppreparati biex inweġbuha aħna wkoll meta naslu f’dak il-jum li ma nibqgħux amministraturi.  It-tweġiba se tiddependi fuq il-mod kif issa qed nużaw il-ġid fdat f’idejna.  Jekk inkunu wettaqnieh kif suppost, se jkollna ħajja sabiħa.  Ikompli l-monologu: “Kif se nsolvi dil-problema? Immur nagħżaq?  Ma niflaħx.  Nittallab?  Żgur nistħi min-nies li kienu jqisuni bħala bniedem importanti.”  Wara ftit riflessjoni, ġietu ideja ġenjali: “Nibgħat  għal min għandu dejn  mas-sid u naħfirlu parti minnu.”  B’hekk aċċerta ruħu li jkollu ħbieb tal-qalb ġodda li, meta jitkeċċa mill-impieg, dawn se jilqgħuh f’darhom.  Ġesu’ għal dir-raġuni faħħru, i.e. mhux għax seraq imma għax, fl-aħħar mill-aħħar, il-ġid materjali kollu mhux se jkun jiswa għal xejn, imma l-ħbieb iva.
  5. “U bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu.”  Hawn irridu niċċaraw li dan kellu l-ġid kollu tan-negozju f’idejh, kemm dak li jmiss lis-sid u kemm dak li kellu dritt iżomm għalih.  Dak iż-żmien dan soltu kien jammonta għal 50%.   Mela, meta saqsa l-ewwel wieħed, “Kemm għandek tagħtih lil sidi?” dan wieġeb “100 barmil żejt.”  Qallu: “Aqbad il-karti u niżżel 50.”  Dan itina x’nifhmu li l-amministratur ma riedx ikompli jgħarraq is-sitwazzjoni tiegħu, għalhekk, il-50% li ħafer lil dan il-midjun kienu mill-ġid li jmiss lilu biex ma jmissx il-parti tal-ġid li jmiss lis-sid.  L-istess nistgħu ngħidu għal dak li ħafirlu 20% tal-qamħ.  B’hekk l-amministartur spiċċa b’xejn.
  6. “U s-sid faħħru lil dak l-amministratur diżonest għax ħadem b’rasu.” Dan għamel għażla tajba għax ipprefera li jiddistakka ruħu mill-ġid materjali biex jikseb ħbieb ġodda.  Dan jgħallimna biex aħna wkoll negħilbu r-regħba li għandna għall-ġid billi nużaw dan l-istess ġid kif irid is-Sid biex niksbu ħbieb ġenwini li se jixhdu favur tagħna meta jasal il-waqt.
  7. “Ulied id-dinja…..jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl.” Meta jiġu biex jamministraw il-ġid u l-flus skont it-tagħlim ta’ Kristu, ulied id-dawl ikunu fi żvantaġġ ma’ ulied id-dinja  għax dawn, biex jilħqu l-għan tagħhom, ma jiskruplawx iqarrqu, jigdbu, jisirqu, eċċ.  Ġesu’ issa jiġbor it-tagħlima tal-lum b’erba’ punti:  (i) “Agħmlu għalikom ħbieb ta’ qliegħ il-ħżunija ħalli, meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.”  Mela, meta nkunu ħaddimna sew il-ġid li kellna f’idejna matul ħajjitna, u bih bnejna l-imħabba, meta niġu biex inħalluh (jonqoskom) kollu warajna, Kristu jkun jista’ jsalvana.  (ii) “Min hu fidil fl-iċken ħaġa żgħira, ikun fidil fil-ħafna” għax il-ġid materjali mhu xejn ħdejn il-ġid etern.  (iii) “Jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor…” għax il-ġid ta’ issa mhux tagħna imma ta’ ħaddieħor, i.e. irridu nużawh għall-benefiċċju tal-proxxmu biex inxerrdu l-imħabba.  B’hekk biss inkunu nistgħu niksbu l-ġid etern li ma joħodulna ħadd.  (iv) “Ebda qaddej ma jista’ jservi żewġ sidien”, għax dawn jagħtu ordnijiet opposti.  Alla jgħidlek, “Qassam ġidek” imma r-regħba tgħidlek: “Rekken kemm tiflah ħa tkun tista’ tixxala u tgħix paxxut.” Irridu nagħmlu għażla!  Attenti għax jekk tagħżel tat-tieni se ssib li l-ġid isir idolu u u int issir ilsir tiegħu.     

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading