Il-Papa f’Santa Marta: L-isqof għandu jkun qrib il-poplu t’Alla


Il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru 2019: Waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa ħeġġiġna biex nitolbu għas-saċerdoti u għall-isqfijiet u semma erba’ għamliet ta’ qrubija. L-isqfijiet għandhom ikunu qrib t’Alla bit-talb, qrib is-saċerdoti tagħhom, qrib xulxin u qrib il-poplu ta’ Alla. Din hi t-triq li l-Papa tkellem dwarha waqt l-omelija tal-lum, il-Ġimgħa, 20 ta’ Settembru 2019. Ir-riflessjoni tal-Papa kienet imnebbħa mill-pariri li jagħti l-Appostlu Pawlu lil Timotju fil-qari li tatna l-liturġija lbieraħ u llum.

Ilbieraħ il-Papa ħeġġeġ lis-saċerdoti biex il-ministeru tagħhom iqisuh bħala don; illum tkellem dwar il-flus, dwar it-tqassis u d-diskussjonijiet bla sens: dawn kollha jdgħajfu l-ħajja ministerjali, saħaq il-Papa Franġisku.

Meta ministru, kemm jekk saċerdot, djaknu jew isqof, jibda jintrabat mal-flus, ikun qed jintrabat mal-għerq tal-ħażen kollu. Infatti fil-qari tal-lum Pawlu jwissi li r-regħba għall-flus hi l-bidu tal-ħażen kollu. Ix-xitan jidħol minn ġol-but, kienu jgħidu l-anzjani, tenna għal darb’oħra l-Papa.

Franġisku kkonċentra l-omelija fuq il-pariri li Pawlu jagħti lil Timotju u lill-ministri kollha fiż-żewġ ittri. Infatti mhumiex biss l-isqfijiet li għandhom ikunu qrib imma wkoll is-saċerdoti u d-djakni.

Erbgħa huma l-għamliet ta’ qrubija: l-ewwel nett l-isqof għandu jkun bniedem qrib ta’ Alla. Il-Papa fakkar li meta l-appostli riedu jservu aħjar lir-romol ‘ivvintaw’ id-djakni. Biex jispjega dan Pietru jgħid li huma għandhom jitfgħu l-attenzjoni tagħhom fuq it-talb u t-tħabbir tal-Kelma. L-ewwel dmir tal-isqof għalhekk huwa t-talb: jagħti l-qawwa u jqajjem il-kuxjenza ta’ dar-rigal, il-ministeru, li m’għandux jisfa traskurat.

It-tieni għamla ta’ qrubija tas-sejħa tal-isqof hi lejn is-saċerdoti u d-djakni tiegħu. Dawn huma l-kollaboraturi tiegħu u l-ġirien l-aktar qribu.

Hi ħaġa ta’ niket li isqof jinsa lis-saċerdoti tiegħu. Titnikket tisma’ saċerdoti jgħidulek li kkuntattjaw lill-isqof tagħhom biex jitolbu appuntament u s-segretarja ttihulhom tliet xhur wara. Jekk isqof iħossu qrib is-saċerdoti tiegħu, malli jara li xi ħadd minnhom ċempillu, l-għada, l-aktar tard, għandu jerġa’ jikkuntattjah hu, għax is-saċerdot għandu dritt ikun jaf li għandu missier, u s-saċerdoti għandhom ikunu wkoll qrib xulxin, mhux ikunu mifruda bejniethom, għax ix-xitan minn hemmhekk jidħol biex jifred il-presbiterju.

Hekk jibdew, wissa l-Papa, il-gruppi li jinfirdu bejniethom minħabba l-ideoloġiji, jew minħabba s-simpatiji.  It-tielet għamla ta’ qrubija għalhekk hi dik tas-saċerdoti bejniethom, filwaqt li r-raba’ waħda hi l-qrubija lejn il-poplu t’Alla.

Fit-tieni ittra tiegħu Pawlu jibda billi lil Timotju jfakkru li m’għandux jinsa lil ommu u lil nanntu, jiġifieri li m’għandux jinsa minn fejn tnissel. Tinsiex il-poplu tiegħek, tinsiex għeruqek. U issa, bħala isqof jew bħala saċerdot jeħtieġ li tkun dejjem qrib il-poplu t’Alla. Meta isqof jinfired mill-poplu t’Alla jispiċċa jgħix f’atmosfera ta’ ideoloġiji li xejn m’għandhom x’jaqsmu mal-ministeru tiegħu: ma jibqax ministru, ma jkunx qaddej. Ikun nesa r-rigal gratwit li ngħatalu.

Il-Papa tenna dawn l-erba’ għamliet ta’ qrubija, inkluż dik bejn il-kulleġġ episkopali u presbiterjali:  il-qrubija lejn Alla, bit-talb; il-qrubija lejn is-saċerdoti min-naħa tal-isqof u tas-saċerdoti lejn l-isqof tagħhom; il-qrubija tas-saċerdoti bejniethom, u l-qrubija lejn il-poplu t’Alla.

Il-Papa Franġisku ħeġġiġna bil-qawwa kollha, stedinna, biex nitolbu ħalli l-isqfijiet u s-saċerdoti jkollhom dil-qrubija bejniethom, stedinna nitolbu għall-‘mexxejja tagħna’, dawk li jmexxuna fit-triq tas-salvazzjoni.

Intom titolbu għas-saċerdoti tagħkom, temm jgħid il-Papa Franġisku, għall-kappillan u għall-viċi jew tikkritikawhom biss? Hemm bżonn it-talb għas-saċerdoti u l-isqfijiet, sabiex aħna lkoll – il-Papa hu isqof – nagħrfu nħarsu d-don, ma nittraskurawx dar-rigal li ngħatajna, permezz ta’ dil-qrubija.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.