Attent/a għall-kamera!

Print Friendly, PDF & Email

Waħda mill-kelmiet li l-aktar li jispikkaw illum, fit-taħdit tagħna ta’ kuljum, hi l-imbierka kamera! Jew, biex ngħidha a la Amerikana, il-cam!

Illum ħafna mid-devices moderni li nużaw għandhom il-kamera. Jew il-cam. Ħu Facebook. Inkella l-whatz up. U anki l-viber. U, bilħaqq u biex żgur li ma ninsihx: l-ismartphone! Tiċċajta jekk il-mobile ikollux jużaha l-kamera miskin! Ara kemm nieħu selfies! U kemm niġbdu videos! Issa l-għaliex morna l-baħar. Imbagħad l-għaliex morna quddiesa. Jew għax ħarġet il-vara. U mbagħad għax ħareġ il-marċ. U wara l-għaliex it-tifla, it-tifel, in-neputi u n-neputija għamlu l-ewwel tqarbina. U allura viva l-cam ħi!

Dan huwa użu feliċi tal-kamera ħbieb! Iżda hemm l-użu tad-dmugħ tal-kamera wkoll. Ħeqq! Sifirt. U, wara li kont ferħan ferħan u ferħana ferħana, tanti li ftaħt għajni fuq il-Facebook fejn sejjer u sejra għall-btala, ġejt lura u sibt id-dar maqluba ta’ taħt fuq. Għax jew daħluli mill-bieb għax żgassawh. Inkella mit-tieqa l-għaliex tawha d-daqqa u ġiet f’idejhom. Inkella, u saħanistra, isserrawli s-serratura tal-bieb jew qalgħu żewġ ġebliet minn ta’ ħdejja. Hekk, wara li għamlu viżta lill-ġarr u l-ġara u ġabuhom lampa stampa fil-venja għaddew s’għandi wkoll u hekk ħallewni b’ta fuqi senduqi. Għax, imsieken, m’għandhomx flus. Hijiex din l-esperjenza mill-ħajja ta’ kuljum? Mela sieħbi waħħal il-kamera. Ħalli darba, meta jippruvaw jagħmluli xi biċċa bħal din mill-ewwel jinqabdu. Għax ikolli l-filmat x’nieħu għand il-pulizija. U hekk, wara l-esperjenza qarsa tat-tħabbir tas-safar fuq il-Facebook u s-serqa mhux mistennija, tgħallimt l-għaliex għamilt il-kamera!

Din il-biċċa tal-kamera kellha tidħol anki fis-sewqan ukoll. Hawn uħud li jaħsbu li t-toroq ta’ pajjiżna mhumiex sempliċiment toroq pubbliċi imma ċirkwit tal-Formula Wieħed. Allura, la għandi l-gass taħt saqajja jew inkella l-buttuna f’idi, jekk qed insuq mutur, agħfaslu! Agħfsilha! Għadni s’issa ma nistax nifhem kif uħud itellgħu ħafna speed meta, wara ngħidu aħna mitt metru, jew farka aktar, jkollhom jagħfsu l-break għax isibu ma wiċċhom karozzi oħra. Ikolli ngħid li dik l-imsejkna karozza aqta’ kemm titmeżmeż miskina! U kemm toħodhom bi kbar! U x’ma toħodhomx bi kbar x’kull waħda tnejn? Mela filli miexja bil-mod u filli sidha jew sidtha għoġbu u għoġobha jagħfas u tagħfas il-gass! Aqta’ kif ħarġet u ħareġ! Agħar minn tal-wacky races!

Imma le ħbieb! Mhux hekk jaħasra! Nifhem li jkun hawn sitwazzjonijiet ta’ urġenza. Fejn, ngħidu aħna fil-mard, wieħed irid iħaffef. L-aktar jekk il-persuna tkun fl-isptar. Tistenna bil- ħniena lil min jiġi jaraha. L-aktar jekk tkun qed tieħu l-aħħar nifsijiet ta’ ħajjitha. Nerġa’ ngħid: nifhem il-każ! U għandhom raġun biex ibiegħu! Imma ħej li naqbad u nagħfas hekk, bl-addoċċ, għax qabżiltli, dan proprju ma jagħmilx sens. U għalhekk, l-għerf tal-awtoritajiet konċernati hu li jgħinuna biex dak li jkun se jaqbeż jieħu naqra paċenzja u joqgħod ftit f’postu. U hekk ma jkomplix iqabbeż lilna minn ġot-taġen għal ġon-nar! Fi kliem ieħor, iwaħlulna l-kamera. Mhux biex iwaħlunna xi ċitazzjoni tafux! Imma biex niġu f’sensina li tagħna hija l-imġieba irresponsabbli u mhux ikkontrollata u li dejjem qed iġġibna għall-frisk.

Erġajna mela, bil-kamera! L-istess f’postijiet pubbliċi. Meta għandna kamera fuqna nibdew noqgħodu attenti x’ngħidu u x’ma ngħidux. U mhux ovvja ħbieb! Mela tridu niġu fi nkwiet kbir! Il-kamera kollox tirrekordja. M’għandhiex la full stops, la commas u lanqas fresh lines! Il-kamera, kulma jseħħ quddiemha, tiġbdu kollu. Bħal vacuum cleaner mela! U ma tħalli xejn li hu xejn li jibqa’ għaddej u hekk qisu qatt ma ġara xejn!

Għax il-kamera hi, eżattament, bħat-tifel iż-żgħir u t-tifla ż-żgħira. Li, dak li jara għid li se jgħidu! U, dak li se tisma’, għid li se xxandru mal-erbat irjieħ tad-dinja! Bil-kamera lanqas nkunu nistgħu ngħaddsu xi għadsa li ma jkunux jafu bina. Aħseb u ara mela jekk tiżolqinna xi kelma jew inkella affarijiet oħra! Il-kamera tirrekordja kollox. Il-kamera hi agħar mis-surmast li kien ikollu dak l-imbierek ta’ pointer meta konna żgħar. Abbli jekk kellu ż-żmien dak is-surmast forsi ma kienx jintebaħ jekk inkunu qed nitħaddtulu baxx baxx. U meta konna nkunu nafu li minn waħda ma tantx kien jisma’ aqta’ kemm konna nixxalaw nitħaddtu minn taħt l-ilsien! Fejn ma jaraniex u ma jismagħniex! Basta nidħku daħka!

Imma bil-kamera din ma nistgħux le nagħmluha aktar. Għax kollox hu irrekordjat. U allura hawn hi l-magħrufa teknoloġija ħbieb! Minn naħa waħda tagħmlilna l-ħajja faċli u aktar sigura. L-għaliex, iva, tikkontrollalna l-vizzju. Għax mill-ewwel taqbad lil ħati. U tressqu biex mill-iżball tiegħu jitgħallem li aqta’ kemm weġġa’ nies innoċenti. Biss, u minn naħa l-oħra, issa nħolqot problema ġdida. L-għaliex, u bir-rispett kollu, nistgħu ngħixu bil-kamera dejjem fuqna? M’għandux ikollna dritt għall-ħajja privata tagħna? Iva kollox issa irridu nperrċu? U nxandru fuq il-bjut? U, għall-argument, anki jekk se nidħol it-toilet irrid issa nagħmel il-kamera wkoll?

U hawn jidħol l-għerf qaddis tal-Mulej ħbieb! It-teknoloġija, tajba kemm hi tajba, irridu nħalluha tkun il-qaddejja u qatt is-sidt tagħna. Mela, u fi ftit kliem, kemm hu għaref min, f’xi ċelebrazzjonijiet, huma x’inhuma, jitlob lil min ikun preżenti biex, u l-ewwel nett, jagħmel il-mobile silent. Inkella kif se ngawdu ċ-ċelebrazzjoni jekk ikollna kampnar ta’ qniepen tal-mobiles għaddejjin il-ħin kollu? Mhux ħaġa hux tassew! Imbagħad, u illum ngħid li jagħmel sewwa wkoll jekk jara li hu l-każ, jista’ dak jew dik li jkun u li tkun, jitlob lil dawk preżenti biex ma jirrekordjawx ċelebrazzjonijiet daqshekk intimi għall-familja, komunità, post tax-xogħol u għid li trid. Inkella fejn se tkun il-privatezza tagħna? U x’jiġri jekk issa nibdew ninvadu l-privatezza ta’ xulxin? Mhux inkunu qed niftħu bieb li jġennina ilkoll kemm aħna? Li jmarradna bl-ansjetà u bid-dippressjoni? Mela ħbieb! Ejjew nibżgħu għall-privatezza ta’ xulxin!

Nagħmlu sewwa li nikkundannaw il-kultura infamja tal-kampijiet tal-konċertament. M’hemmx dubju li kultura bħal din kienet dijabolika. Dan l-għaliex l-ebda bniedem ma ġie maħluq biex jintefa’ ġo kamp issorveljat lejl u nhar u mċaħħad minn kull dinjità. Biss, id-dittatura tinstab ukoll meta, minflok il-bniedem, inpoġġu l-kameras ħa jmexxu lil ħajjitna huma! Meta lit-teknoloġija nagħmluha r-rajjis tagħna allura merħba bikom diżażtri umani u spiritwali! Dan l-għaliex il-kamera taf titfagħna f’kamp ta’ konċetrament fejn ma tistax tkun int għax għandek il-kamera li se takkużak, tixlik, tikkastigak, u ma nafx x’ma tagħmillekx! U, jekk irridu nkunu sinċieri fil-qalba ta’ qalbna, ħadd minna ma jrid li jispiċċa hekk. Maħkum u maħkuma. Minn kamera!

Barra minhekk id-diskors tal-kamera jfakkarna wkoll li aħna għandna kamera li tahielna l-Mulej biex timmoniterja l-andament tagħna tal-ħajja ta’ ruħna u ġisimna. U din il-kamera jisimha l-kuxjenza. Il-kuxjenza hi dejjem aħjar mill-kamera teknoloġika. Dan l-għaliex lill-kuxjenza l-Mulej taha l-grazzja li tiġi iffurmata. U, il-kuxjenza, għandha wkoll il-grazzja li tidħol fiċ-ċirkustanzi tal-persuna u tagħmel il-ġudizzju tagħha b’ħafna għerf u prudenza. Dejjem jekk tkun trid tiġi iffurmata bil-verità u mhux titnaffar minnha!

Ara l-kamera, le! Għerfha hu simetriku. Tal-qies tan-numri u d-distanzi imma mhux tal-persuni. Il-kamera hi legalista u qatt legali. Għax ma tafx tidħol fiċ-ċirkustanzi tal-persuna. Il-kamera hi bla ruħ. Għax dejjem taqta’ eżatt u mingħajr ma tqis il-konsegwenzi ta’ għemilha. Il-kamera, għax hi magna, ta’ magna iġġib ruħha magħna. Miskina! Ma tafx li aħna mhux magni imma bnedmin! Mela, dan il-fatt waħdu, qed iġibna aktar u aktar f’sensina biex il-kamera ma nagħtuhiex l-importanza assoluta. Għandha importanza tafux! F’xi każi. Imma m’għandhiex tkun hi li tieħu f’idejha t-tmun ta’ ħajjitna. Inkella nistennew il-frakass!

Mulej, updejtjali l-kamera tiegħek li int tfajt fija, jiġifieri l-kuxjenza tiegħi. Għinni ħalli biha nara t-tajjeb u l-ħażin u, bil-għajnuna tiegħek, nagħżel it-tajjeb mill-ħażin, aħjar mit-tajjeb, u l-aħjar minn aħjar. Mulej tħallinix inkun spjun u spjuna ta’ l-oħrajn iżda għinni ngħix ħajti. Għax ta’ ħajti u mhux ta’ ħajjet ħaddieħor li ġurnata jiena għad irrid nagħti kont lilek. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: