Il-Papa f’Santa Marta: Il-bruda spiritwali tagħmlilna ħajjitna qiesha ċimiterju


Il-Ħamis, 26 ta’ Settembru 2019: Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li ma nkunux ‘insara bin-nofs’, nikkuntentaw bit-taparsi paċi interjuri li ma tagħmel ebda frott. Dan affermah il-Papa Franġisku fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, il-Ħamis, 26 ta’ Settembru 2019. Il-konverżjoni li jitlob minna l-Mulej ma nistgħux nibqgħu nħalluha għal għada.

Il-Papa Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni dwar l-ewwel qari li ttina l-liturġija tal-ġurnata meħuda mill-Ktieb ta’ Ħaggaj. Huwa kliem iebes li bih, permezz tal-profeta, Alla jistieden lill-poplu biex jirrifletti dwar imġibtu, sabiex jibdilha u jaħdem biex jerġa’ jibni d-Dar t’Alla.

Ħaggaj, qal il-Papa, kien qed jipprova jċaqlaq qalb il-poplu għażżien u rassenjat li jibqa’ jgħix bit-telf. It-tempju kien inqered mill-għedewwa, kien rovina, imma dawk in-nies ħallew is-snin jgħaddu sa ma l-Mulej bagħat mibgħut tiegħu biex ‘jerġa’ jibni t-tempju’.

Imma qalbhom kienet mimlija morr u ma kellhom ebda ħeġġa biex jibdew jaħdmu. Kienu jgħidu: ‘M’hemmx għalfejn impenn, forsi kollox illużjoni, aħjar ma nirriskjawx, nibqgħu kif aħna…..’.

Dawk in-nies ma kellhomx rieda biex jerġgħu jqumu, jerġgħu jibdew: lanqas riedu jħallu lil Alla jgħinhom, il-Mulej li ried jerġa’ jqajjimhom fuq saqajhom, bl-iskuża li kien għadu ma wasalx iż-żmien.

Dan hu d-dramm ta’ dawn in-nies, u tagħna wkoll, meta ninħakmu minn spirtu ta’ indifferenza, meta ħajjitna hi bierda u ngħidu: ‘Iva, Mulej, kollox sew…’ – imma naqra naqra nħallu kollox l-istess – ‘…għada jasal!’ L-għada nerġgħu ngħidu l-istess ħaġa u l-pitgħada wkoll u hekk dejjem inħallu l-konverżjoni tal-qalb, li nibdlu ħajjitna, għal għada. Il-fitla spiritwali hi ‘paċi taċ-ċimiterji’.

Hija indifferenza li bosta drabi biha naħbu l-inċertezzi tagħna u nibqgħu nirrimandaw. Hekk, tant nies jaħlu ħajjithom u jispiċċaw vojta għax ma jkunu għamlu xejn; kulma jkunu għamlu jkun biss li jżommu l-paċi u l-kalma fihom infushom. U dik hi l-paċi taċ-ċimiterji.

Meta aħna naqgħu f’din il-bruda, f’dan l-atteġġajment ta’ fitla spiritwali, ħajjitna tinbidel f’ċimiterju, nitilfu l-ħajja. Fina jkun hemm biss għeluq biex ma nħallux il-problemi jmissuna, l-istess bħal dawk in-nies li jammettu li hemm ir-rovina imma ma jridux jirriskjaw; jirraġunaw li issa draw jgħixu f’dik il-kundizzjoni.

Il-Papa Franġisku widdeb li dan kollu jiġri lilna wkoll bl-affarijiet żgħar li mhux sejrin tajjeb iżda li l-Mulej iridna nibdlu. Hu jitlobna nikkonvertu u aħna ngħidulu: għada.

Għalhekk, nitolbu l-grazzja lill-Mulej biex ma ninħakmux minn dan l-ispirtu ta’ ‘nsara bin-nofs’, jew kif jgħidu n-nisa anzjani: insara ‘tal-ilma tal-ward’, superfiċjali, li nkunu żrajna ħafna imma ħsadna ftit. Inkunu ħajjiet b’ħafna prospetti li fl-aħħar mill-aħħar ma jkunu għamlu xejn.

Jalla l-Mulej jgħinna nqumu mill-ġdid mill-ispirtu biered, u niġġieldu lil dan il-‘loppju ħlejju tal-ħajja spiritwali’.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.