Int bis-serjetà?!


Kont miexi fil-kuritur tal-isptar. Għaddej sieket sieket. Fuq xogħli. Meta, f’daqqa waħda, fis-sular ta’ isfel nett, nisma’ il-kumment. Ġej mill-bogħod ‘il bogħod. Imma ħej, li għalija, kien viċin viċin. L-għaliex kien, iva, ħiereġ ħiereġ minn diskursata pjuttost imqanqla. Int bis-serjetà? wieġbet lil min kienet qed titħaddet miegħu fuq l-ismartphone.

Smajtha ħafna drabi din il-frażi tingħad. Ibda’ mit-televiżjoni. Imbagħad fuq ir-radju. Anki fit-triq. U, sintendi, fil-Knisja waqt xi omelija. U, bilħaqq għax aqta’ kif kont se ninsa’, fil-kunvent ukoll. Int bis-serjetà? hija frażi li tnissel stagħġib. U dan bil-bosta. U forsi, ukoll, juri t-tinxif ta’ dak jew dik li jkun u li tkun. Jiddependi, u m’għandniex xi ngħidu, minn kif wieħed jgħidha.
Int bis-serjetà? Int. U lilek qed ngħid. U lil ħadd aktar għajr int. Imma stenna ħej naqra: int min int? Int! U int, dak li int! U, abbli, huwa jien stess li, u forsi bla ma naf, li għamiltek int dak li int. Bil-paroli fil-vojt tiegħi! Inkella bil-fiduċja żejda li tajtek. Jista’ ikun ukoll li int dak li int l-għaliex jien ippreġudikat waħda u tajba kontrik. U allura, minflok ma kont umli u bdejt il-vjaġġ sabiħ iżda iebes, miegħek, li nsir nafek tabilħaqq, għażilt li nintelaq mal-kurrent. U, b’qasma ta’ qalb, bdejt niġġudikak mill-qoxra. Kif tidher! Jew kif pinġewk! Imma qatt kif tassew int minn ġewwa!

Kos hux! Forsi għalhekk, kull darba li ngħid il-kelma int, dejjem qed nsibni fl-offside position! Int ismagħni ftit imbagħad, tibżax, iġġudikani. Ara qattx ngħidlek, f’diskorsi, il-kelma int bil-paċi. Bis-serenità. Bil-kalma. Li, wara kollox u qabel kollox, int, bħala bniedem u bniedma bħali, tant jixraqlek. Kos hux! Arani ftit! Ismagħni ftit! Xtarni ftit ukoll! U ara issibnix ngħidlek il-kelma int mingħajr esklamazzjoni! Veru taf! U dan il-fatt qed idejjaqni mhux ftit!

Imma l-għaliex qed idejjaqni daqshekk? Ngħid jien? L-għaliex qed joħodni, ħelu ħelu, u pulit pulit, fir-regola tad-deheb: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek (Mt 19:19). Għax, u biex issa nkun onest u onesta, kieku qatt qbadt lil nnifsi nkun daqshekk qalil u qalila bħalma qed inkun miegħek jien. Bħalissa! Safejn naf jien qatt ma għedt lili nnifsi, b’rabja li trid tiekol lil min issib quddiemha: Jien! U bir-raġun li dan ma nagħmlu qatt. U, jekk xi darba jew xi drabi għamiltu, se nassigurak, bħalma nassigura lili nnifsi, li żgur mhux ħa nwettqu aktar. Għax meta għamiltu qalbi bdiet tħabbat sitta sitta miskina. U mela qalbi tiflaħ għal dan l-istrapazz? Mela qalbi tiflaħ tikkontrolla kollox? Mela qalbi tiflaħ tieħu fuqha piż li ma tifilħux? Ma tafx qalbi li mix-xejn tindires? Mela kif ħa taffordja titqanna b’piż li mhux tagħha? U, bl-aktar mod qalil, tasal li tafferma: Jien!?

Il-problema li għandha l-kelma int hi li mhux qed tkun f’sintonija mal-kelma Int. Ara ftit hux! Meta l-int, ta’ bniedem u bniedma dgħajjef u dgħajfa, tkun għal riħha, ara fejn tispiċċa! Iva ħi! Tispiċċa tagħmel ħafna pressjoni fuq l-int tal-persuna l-oħra. Li wkoll, miskina, u minn naħa tagħha, qalbha ċkejkna. Għax, qalbha, ma tiflaħx iġġor dak il-piż kollu. Imma ħi, avolja l-int ta’ min qed jitħaddet, jaf u taf li l-persuna l-oħra ma tiflaħx iġġorr dak il-piż, xorta waħda qed titfaħħulha fuqha. U xorta waħda qed taħsadha. Xorta waħda qed tixxukkjaha. Xorta qed ittieha ċ-ċamata tagħha. Int!

U le ħi! Tistkanta b’xejn! U biex tista,’ tabilħaqq, tiskanta illum? U l-għaliex għandi niskanta? U mela l-bniedem u l-bniedma, meta jinqatgħu mill-Int dejjiemi, jistgħu jkunu f’xi qagħda aħjar? U mela l-bniedem u l-bniedma, meta mħollija kompletament għall-passjonijiet ta’ ġisimhom, jistgħu jagħmlu jew ikunu xi ħaġa aħjar? Għajr dak li jitfgħu fih lilhom infushom? F’kelma waħda, meta l-bniedem jinqata’ għal rasu, jista’ ma jgħaffiġx? Hux f’dak li jgħid inkella f’dak li jagħmel? Hux f’dak li jaħseb jew inkella f’dak li jħoss?
Il-ħajja tgħallimni fuq li tgħallimni li jgħaffeġ żgur! U ma jistax ma jgħaffiġx! Għax miexi kompletament għal rasu. U miexi, gas down, l-għaliex immexxi mill-int li m’għandux orizzont fil-ħajja. Li jaf jimxilek mili biex imbagħad jeħillek fi żrara. Mela, l-int tal-bniedem, huwa, fil-verità, imprevedibbli. Għax jaf jiżloq fin-niexef miskin!

Issa ħallik mis-serjetà! Mhux dik li ma tħobbx is-sewwa. Lanqas dik li tagħti dahra lill-verità. Inkella li tipprova tgiddibha quddiem wiċċha stess. Le! Dik mhux serjetà! Dik vavata mill-kbar. Li tibda’ bid-daħk. U forsi biż-żufjett. Imma ħej li taf tispiċċa fi dmugħ il-għali tassew kbir. Liema dmugħ ħadd u xejn ma jista’ isabbru u jfejqu għajr li wieħed jaffaċċja l-verità b’qalb miftuħa. B’qalb ta’ tifel ċkejken. Mela fuq l-istess linji li bihom qalilna Ġesù stess fil-vanġelu!

Is-serjetà li ma rridu qatt nieħu bis-serjetà hija l-gidba li jien mhu ħa mmut qatt. Li jien, mingħalija, ħadd ma jista’ għalija. U dan l-għaliex għandi l-flus, il-poter, naf inxaħħam u naf nasal fejn irrid. Din mhux serjetà nerġa’ ngħid! Imma bluha! Bħalma m’hijiex serjetà li jien ninsulenta, ngħix b’rabja kontinwa, la naf nispelli l-kelma maħfra u lanqas naf nibda’ paġna ġdida f’ħajti. Nista’ inkun illawrjat u illawrjata u duttur u duttura. Imma x’jiswieli jekk ħajti ngħixha qisni irħama nieħu n-nifs? X’serjetà hi din f’ħajti meta jien ma nindenjax ruħi nqis u nikkumpatixxi d-dgħjufija ta’ ħaddieħor? Anzi! Minflok ma nkun bħall-Int, li hu ħniena eterna, insir tirann u tiranna? Li naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx (ara Mt 25:24)? U din int tgħidilha serjetà?

Għalhekk ħallieni mill-frażi taċ-ċajt Int bis-serjetà?! La jien, l-għaliex dgħajjef u dgħajfa, minix la bis-serjetà u lanqas tas-serjetà, aħjar nibla’ ilsieni u nara kif se ngħin meta xi ħadd jikkrolla. Milli naqbad il-martell u jkolli dik is-seba’ mitt sena biex nħabbtu ħa nagħti l-verdett mgħawweġ, falz u tal-biża’ tiegħi!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.