Il-Papa f’Santa Marta: Minflok il-fidi nkunu nagħżlu xi ideoloġija


It-Tlieta, 8 ta’ Ottubru 2019: L-ewwel qari tal-liturġija tal-lum, meħud mill-ktieb ta’ Ġona, ikompli r-rakkont mibdi lbieraħ u jintemm għada. F’din l-istorja naqraw dwar ir-relazzjoni kunflittwali bejn Alla u Ġona. Il-Papa Franġisku, fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta, fakkar fil-qari tal-bieraħ li jtina l-ewwel sejħa tal-Mulej li ried jibgħat lill-Profeta f’Ninwè ħalli jikkonvertiha.

Iżda Ġona ma jobdix l-amar u jitlaq xi mkien ieħor għax iħoss dik il-biċċa xogħol tqila wisq għalih. Rikeb vapur lejn Tarsis u waqt it-tempesta li qajjem il-Mulej xeħtuh il-baħar għax dak l-għawġ kien ħtija tiegħu. Imma belgħetu baliena li wara tlett ijiem u tlett iljieli beżqitu fuq xtajta. Ġesù, osserva l-Papa, jxebbah it-tlett ijiem ta’ Ġona f’żaqq il-ħuta mal-qawmien mill-mewt tiegħu.

Fil-qari tal-lum hemm it-tieni sejħa: Alla jkellem lil Ġona mill-ġdid u did-darba l-Profeta jobdi, imur Ninwè u n-nies tal-post jemmnu kelmtu u jikkonvertu tant li Alla reġa’ bdielu mill-hemm li kien se jibgħat fuq dik il-belt. Din hi l-istorja ta’ Ġona li hu rasu iebsa, kompla l-Papa. Il-Profeta qeda dmiru sew u mbagħad telaq. Għada naraw kif tintemm l-istorja, jiġifieri kif Ġona jeħodha kontra l-Mulej għax ħanin iżżejjed u għax għamel bil-maqlub ta’ dak li kien hedded li se jagħmel permezz ta’ Ġona nnifsu. Ġona jċanfar lill-Mulej.

‘Mulej, forsi mhux dan li kont qed ngħid jien meta kont f’pajjiżi? Għal dir-raġuni ħaffift naħrab lejn Tarsis, għax naf li int Alla tal-ħniena, tqil biex tagħdab, mimli mħabba, u rġajt lura mid-deni li kont għidt li se tagħmel.  Issa, Mulej, ħudli ħajti, jien ma rridx nikkollabora aktar miegħek għax għalija aħjar il-mewt mill-ħajja. Aħjar il-mewt milli nkompli dil-ħidma ta’ profeta miegħek li fl-aħħar tagħmel il-maqlub ta’ dak li kont bgħattni nagħmel.’

U Ġona jitlaq ’il barra mill-belt, kompla l-Papa, jibni għarix u joqgħod hemm jistenna biex jara x’se jagħmel il-Mulej. Ġona kien qed jistenna li Alla jeqred il-belt. Għalhekk il-Mulej ordna li titla’ siġra tar-riġnu biex tagħmillu d-dell. Imma s-siġra nixfet malajr u mietet. Ġona jistmell lill-Mulej mill-ġdid minħabba dik is-siġra. Il-Mulej iwieġbu: ‘Int ġietek ħasra minn siġra li la tħabatt għaliha u lanqas kabbartha int, u li f’lejl wieħed ġiet u marret. Mela jien ma kellhiex tiġini ħasra minn Ninwè?’

Ġona kien rasu iebsa minħabba l-konvinzjonijiet tiegħu u l-Mulej rasu iebsa fil-ħniena tiegħu. Il-Mulej qatt ma jħallina, iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna bla qatt jaqta’ qalbu. Ġona hu mudell ta’ dawk l-Insara mimlijin ‘imbasta…’, Insara bil-kundizzjonijiet. ‘Jien Nisrani mbasta l-affarijiet isiru kif jidhirli jien.’ Le, le, saħaq Franġisku. Dan mhux sew, l-Insara ma jistgħux jikkundizzjonaw lil Alla, jikkundizzjonaw il-fidi u l-azzjoni ta’ Alla, jintrabtu mal-kundizzjonijiet li jridu jiddettaw huma.

Insara bħal dawn jispiċċaw fl-ideoloġija: mixja kerha mill-fidi lejn l-ideoloġija. U llum hemm ħafna minn dawn, ikkummenta l-Papa Franġisku. Dawn huma Nsara beżżiegħa, jibżgħu jikbru, jibżgħu mill-isfidi tal-ħajja, mill-isfidi tal-Mulej, mill-isfidi tal-istorja, marbutin mal-konvinzjonijiet tagħhom, mal-ideoloġiji tagħhom. Huma Nsara li jagħżlu l-ideoloġija minflok il-fidi, jitbiegħdu mill-komunità, jibżgħu jintelqu f’idejn Alla u jippreferu jiġġudikaw kollox, iżda miċ-ċokon tal-qalb tagħhom.

Il-Knisja llum għandha żewġ tixbihat: il-Knisja ta’ min hu magħluq fl-ideoloġiji personali u l-Knisja li turi lill-Mulej, li tersaq qrib ir-realtajiet kollha, li ma titqażżiżx.  Dnubietna ma jitqażżiżhomx il-Mulej. Hu jersaq bħalma kien jersaq biex ifejjaq lil-lebbrużi, lill-morda. Għax Hu ġie biex ifejjaq, Hu ġie biex isalva mhux biex jikkundanna.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.