Wara l-ftuħ uffiċjali bil-quddiesa tal-Ħadd filgħodu, ilbieraħ bdiet il-ħidma tas-Sinodu dwar l-Amażonja li kien ilu mħabbar madwar sentejn. Il-Papa Franġsiku għamel id-diskors tal-bidu li fih wera x’se tkun ix-xejra tad-diskussjonijiet. Franġisku tkellem dwar erba’ dimensjonijiet ta’ ħidma: pastorali, kulturali, soċjali u ekoloġika. Il-pedament ta’ kollox huwa d-dimensjoni pastorali.
Kien imiss lis-segretarju tas-Sinodu tal-Isqfijiet, il-Kardinal Lorenzo Baldisseri, li fid-diskors tiegħu spjega aħjar il-motto ta’ din l-assemblea: ‘Amażonja: toroq ġodda għall-Knisja u għal ekoloġija integrali’, ta’ ħjiel dwar it-tħejjijiet li kienu ilhom għaddejjin sentejn u spjega l-metodoliġija li se jimxu fuqha d-diskussjonijiet.
Qabel ma bdew jitkellmu l-parteċipnti individwalment il-Kardinal Claudio Hummes, ir-Relatur ewlieni tas-Sinodu għamel id-diskors li bih spjega x’inhuma l-għanijiet u l-fejn qed jimmira dan is-Sinodu speċjali.
Nistennew bil-ħerqa li wara li jintemm ix-xogħol tliet ġimgħat oħra, il-Papa Franġisku joħroġ l-Eżortazzjoni Appostolika li fiha jiġbor it-tagħlim kollu li joħroġ mid-diskussjonijiet tas-Sinodu.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija