Grazzi mhux bil-paroli biss imma bil-fatti


Is-Sibt, 12 ta’ Ottubru 2019: L-Arċisqof Charles J. Scicluna  amminstrata l-Griżma lill-adolexxenti fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Pompej, Marsaxlokk.

D5Z_3515_121019162233.157137871545

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Pompej, Marsaxlokk

Il-Kappillan Fr Luke, għadu kemm qara Evanġelju sabiħ ħafna mill-Evanġelju skont San Luqa, hux veru? il-patrun tiegħek Fr Luke. U Ġesu jiltaqa ma’ 10 min-nies li fi żmienu ma setgħux jgħixu man-nies l-oħrajn. Min kellu din il-marda tal-ġilda, il-lebbra, kien irid jgħix ’l barra mill-belt u meta jara n-nies ġejjin, jew kienu jużaw qampiena jew inkella jgħaju: ‘lebruż, lebruż’ biex dak li jkun ma jersaqx.

Ġesu jersaq lejhom. Xi ħadd minnhom jgħidlu: “Ġesu mgħallem, ikollok ħniena minna” (Lq 17:13). Mela jagħraf li dan ir-raġel mastrudaxxa, it-tifel ta’ mastruddaxxa minn Nazaret, huwa mgħallem imma mhux mgħallem biss tas-sengħa tal-injam kif kien, imma bniedem li kellu l-kelma li tista’ tgħinek tgħix ta’ nies. Għax dak hu l-veru mgħallem: jgħidlek kelma u jgħinek tgħix ta’ nies.

“Ikollok ħniena minna” Issa għal dawn in-nies il-ħniena ta’ Ġesu ma kienetx biss li jaħfrilhom id-dnubiet tagħhom imma li jfejjaqhom minn din il-marda. U x’kienet titlob il-liġi ta’ Mose? Li jekk bniedem ifieq, għandu bżonn iċ-ċertifikat, iċ-ċertifikat li hu fieq u jista’ jibda jgħix man-nies u bħan-nies. Għalhekk Kristu qalilhom: “Morru għand il-qassisin” (Lq 17:14). Il-qassisin għalfejn? Mhux biex iqerru, biex malli jindunaw li mfejqin, il-qassis kellu d-dover jagħmel ċertifikat, isma dan ir-raġel fieq, mela jista’ jibda jaħdem, jista’ jibda jgħix mal-familja, jista’ jgħix fil-belt, mhux il-bogħod abbandunat. U dawn imorru, jobduh. U fit-triq ndunaw li fiequ. Fiequ biex? Tahom xi ħaġa x’jixorbu? Xejn! Il-Kelma tiegħu! Il-Kelma ta’ Ġesu li tfejjaqhom. Il-Kelma ta’ Ġesu li terġa tagħmilhom nies u tagħtihom il-possibbilta li jġħixu ta’ nies.

Kemm hi ħaġa sabiħa li l-omm u l-missier l-ulied jgħidulhom grazzi, mhux wara meta mmorru iċ-ċimiterju nagħmlu l-fjuri u x-xemgħa.

Wieħed minnhom ma jibqax sejjer. Jgħid: ‘issa sew, lil dak lanqas għidnilu grazzi aħna’. Imma wieħed minn 10, wieħed! Jerġa’ jmur lura, jinxteħet għarkobbtejh quddiem Ġesu biex jgħidlu grazzi li kien fejqu. U l-Mulej jifrah għal dik il-fidi ta’ dan ir-raġel li kien mhux biss lebruż, kien Samaritan, hux veru hekk jgħidilna l-Evanġelju? X’jiġifieri Samaritan? Li wieħed li l-Lhud lanqas biss kienu jkellmuh. Dan kien abbandunat iżjed mill-oħrajn għax mhux biss kien lebruż li bilfors irid jgħix barra mill-belt, il-Lhud anke meta jkun b’saħħtu, ma jkellmuhx. Għax dawn kienu jemmnu l-Lhud l-oħrajn naqra mnieħirhom imxammar, li dawn il-fidi tagħhom ma kienetx tal-perfetti, insomma bħal tagħna. Imma dak imur għand Ġesu! U jgħidlu: “Grazzi, sinjur”.

U Ġesu jgħidlu: “Imma jien mhux 10 fejjaqt? Wieħed ġie?’ (Lq 17:17). Ara Ġesu japprezza min jgħidlu grazzi. Aħna wkoll hekk, l-istess. Tagħmel pjaċir, lanqas biss qaltli grazzi. Mhux hekk biss, tkun għadejja mit-triq, taqsam il-bankina biex tmur in-naħa l-ohra. U aħna nħossuha din, għax dawn kummiedji ta’ kuljum. U Ġesu għandu l-qalb tagħna wkoll. Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nitgħallmu ngħidu grazzi lil xulxin ta, qabel lil Alla. Għax jekk inti m’intix kapaċi tgħid grazzi lill-kappillan li qed tara, (avolja m’għandux xagħar xorta jidher, anzi jidher iżjed), kif tista’ tgħid grazzi lil Alla li ma tarax? Kemm nieħdu pjaċir, intom qed tikbru issa qed titfarfru, Mhux se ngħidilkom tgħadduni (għax ma tridtx ħafna biex tgħaddini) qed titgħallmu tgħidu grazzi lill-ġenituri tagħkom? Jiena naf żgħażagħ jgħallmuni.

Meta jiġi l-birthday kulħadd jieħu pjaċir jirċievi xi card jew almenu sms, illum biex toqgħod tixtri card, tibgħat sms jew xi ħaġa jew fuq facebook tgħidlu jew tgħidilha like. Imma meta jgħalqu żmienhom jiftakru fil-ġenituri tagħhom fil-fabrika hu? U jgħidu grazzi lil ommhom u lil missierhom. Għax aħna fil-birthdays naħsbu fina nfusna. Meta tibda tixjih tibda tinsih naqra l-birthday imma tkun għadek qed tikber u issa llum 12, dalwaqt 13, dalwaqt 14, imma ieqaf ftit ftakar min ġabek fid-dinja lilek? Dakinhar li inti qed tiċċelebra li twelidt, waqaft ftit biex tgħid grazzi lil dawk il-kreaturi li ġabuk fid-dinja? Kemm hi ħaġa sabiħa li l-omm u l-missier l-ulied jgħidulhom grazzi, mhux wara meta mmorru iċ-ċimiterju nagħmlu l-fjuri u x-xemgħa. Dak sabiħ imma kemm hu tajjeb li nkunu għamilna hekk fil-ħajja, meta għad għandek iċ-ċans, meta għandek iċ-ċans!

Ġieli niltaqa’ ma’ nies li xi ħadd għażiż ikun mietilhom għalgħarrieda u jgħidlek: ‘jiddispjaċini li ma kellix ċans ngħidilha inħobbok ma! Isimgħu minni ta, għax jiena llum ġejt u dalwaqt immur, imma almenu jekk kelma teħel minn dak li qed ngħidilkom, jiena nkun kuntent. Tgħallem għid grazzi mhux bil-paroli biss, bil-fatti. Issa qed tikbru, taf liema l-ikbar grazzi lil min iħobbkom? Li tgħixu ta’ nies, li parir teħduh, parir tajjeb, għax hawn ħafna min jaghti pariri ħżiena wkoll. Jgħidlek: ‘ħu naqra droga, taf kemm tagħmilek bużż’. Iva u lil ommok bikkejtha u ’l missierek fnejtu biex ma ngħidlekx ukoll qaxxartlu l-but. Għax dak il-grazzi, il-grazzi mhux tal-paroli ta, il-grazzi li inti kelma tismagħha.

Kultant jien ngħid wara li nagħmlilkom il-Griżma, tibbisilkom raskom. Ma nafx x’jiġri. U l-ġenituri jgħiduli: ‘Toqgħodx tinkwieta Monsiniur, dak diġa rasu iebsa, ta’. L-Ispirtu s-Santu jiġi wkoll biex irattab fejn hemm l-ebusija. Hekk ngħidulu fil-festa tiegħu ta’ Pentekoste, Għid il-Ħamsin: “Rattab fejn hemm l-ebusija”. Għax ir-ras iebsa ma tgħinhiex l-aħwa. Ir-ras iebsa xi tfisser? Tagħmel ta’ rasek, ma titlobx parir, minghalik tiegħek biss tajjeb. L-Ispirtu s-Santu illum se jagħtik il-qawwa tkun nies u tgħix ta’ nies, titgħallem tgħid grazzi. Titgħallem ukoll meta tiżbalja u tinduna, tgħidlu: ‘Sinjur, aħfirli, tassew ma nerġax.

Issa aħna meta ngħidulu grazzi lil Ġesu? Aħna almenu, jekk mhux matulek ja ġimgħa, darba fil-ġimgħa niltaqgħu għall-Ewkaristija. Tafu xi tfisser Ewkaristija? Ħa ngħidilkom. Ngħidu grazzi. Intom naf li tħobbu ssiefru, ’l quddiem min jaf kemm se ssiefru. Jekk tmur il-Greċja u tordna kafe taf kif tgħidlu thank you lill-wejter? Ewkaristo, hekk trid tgħidlu, illum ta mhux fi żmien Ġesu għax l-istess lingwa li biha nkitbu l-Evanġelju, inkiteb bil-Grieg għalhekk ma nifhmuhx. Propjament għandna t-translation. Ewkaristo, l-Ewkaristija hija li tirringrazzja lil Ġesu. U aħna li matulek ja ġurnata, almenu mmorru darba fil-ġimgħa siegħa waħda, għandna 24 kuljum, mhux hekk? s’issa sa fejn naf jien hekk għadhom. 24 siegħa kuljum imqaddes, siegħa waħda fil-ġimgħa ngħidulu: ‘ħa mmorru fid-dar tiegħek biex ngħidlek grazzi, għadni ngħix, b’saħħti, għandi l-ħbieb. Imbagħad kultant tiġi qalbek maqsuma wkoll, twassal lil min mar għall-ħajja ta’ dejjem jew inkella fil-mard tiegħek u tgħidlu bħalma qalulu dawk in-nies, dawk l-irġiel: “Sinjur, ħenn għalija, għini”. L-Ipsirtu s-Santu li se jiġi fil-qalb tiegħek, huwa dak l-Ispirtu li f’qalbek jgħajjat “Abba” jiġifieri missier, jgħinek titlob, jgħinek titkellem ma’ Alla. U aħna dan nitolbu għalikom illum.

Il-parrinu mhux għar-ritratt, għall-eżempju, għax il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.

Kelma lill-ġenituri biex ngħidilkom almenu ngħidilkom jien ukoll grazzi li ġibtu lil uliedkom hawnhekk. Illum quddiemna, issa dak li għamiltu intom meta kienu babies, kif qalu dawk iż-żewġ żgħażagħ fil-bidu, se jagħmluh huma, se nisimgħuhom aħna jiċħdu lix-xitan u jġeddu – għalhekk konfirmazzjoni – il-fidi tagħhom, huma. Imbagħad bid-dilka u bil-barka tal-Isqof u t-tqegħid tal-idejn, se jirċievu dak kollu li l-Missier tas-sema jista’ jagħtihom, l-Ispirtu qaddis tiegħu. Għalfejn? Biex kif intom tixtiequhom b’saħħithom fil-ġisem, ikunu b’saħħithom fl-ispirtu, fir-ruħ.

L-aħħar kelma lill-parrinijiet. L-ewwel nett grazzi wkoll – mhux għar-rigal qed ngħid – grazzi li aċċettajtu tkunu parrinijiet ta’ dawn iż-żgħażagħ għax dan ifisser li se tagħtuhom eżempju tajjeb, se titolbu għalihom u se tkunu ta’ support. Għax aħna ħafna drabi meta nkunu qed nikbru biex tgħid lil ommok u lil missierek naqra diffiċli, hemm bżonn ikun hemm xi ħadd li jista’ jiggwidak, imma ovvjament il-kelma tqanqal, kif ngħidu bil-Malti, il-kelma tqanqal u l-eżemju jkaxkar. Il-parrinu mhux għar-ritratt, għall-eżempju għax il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Slat 5, 14-17
Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
Qari II: 2 Tim 2, 8-13
Evanġelju: Lq 17, 11-19

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti