Innu ta’ Radd il-Ħajr


Is-Sibt, 12 ta’ Ottubru 2019: Omelija f’Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mill-bidu tal-Adorazzjoni għall-qdusija tal-Kleru Knisja Parrokkjali Immakulata Kunċizzjoni, Ħamrun.

D5Z_3279_10819192652.157122450683

INNU TA’ RADD IL-ĦAJR

John Henry Newman, li għada jiġi ddikjarat qaddis minn Papa Franġisku, għandu kelma f’waqtha ħafna fuq il-gratitudni. Jgħid li għandna nistaqsu lilna nfusna kemm-il darba tlabna meta konna għaddejjin minn żmien ta’ prova, u kemm-il darba rringrazzjajna lil Alla meta t-talb tagħna ġie mismugħ.

Din il-kelma tfakkarni ħafna f’dak li smajna llum fl-Evanġelju skont San Luqa dwar dawk l-għaxra nies morda bil-lebbra li resqu lejn Ġesù jitolbuh biex hu jkollu ħniena minnhom. Kienu nies emarġinati; minħabba l-marda tagħhom kellhom bilfors joqogħdu ’l bogħod. U Ġesù bil-kelma tiegħu jfejjaqhom bl-iktar mod kwiet u bla storbju, jgħidilhom biex imorru juru ruħhom lis-saċerdoti li, skont il-liġi, kellhom l-inkarigu li jikkonfermaw kull fejqan li jseħħ. Dawn l-għaxra jerġgħu jiksbu saħħithom huma u mexjin wara li semgħu l-kelma ta’ Ġesù.

Wieħed biss

Imma x’jiġri? Wieħed biss minn dawn l-għaxra, li kien Samaritan, jiġifieri barrani u għalhekk emarġinat darbtejn, jiġi lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla. Hu nxteħet f’riġlejn Ġesù u rringrazzjah tal-fejqan. Wieħed biss, mill-għaxra, jagħraf f’Ġesù s-saċerdot veru li refgħu u fdieh.

Il-messaġġ importanti tal-Kelma ta’ Alla għalina llum hi li nkunu nies grati lejn Alla. Minnu jiġina kull ġid. Lilu nafu t-tajjeb li għandna. Meta nkunu grati tassew lejn Alla, hu jgħinna wkoll ngħixu bi gratitudni lejn xulxin, lejn tant nies li f’ħajjitna jagħmlulna l-ġid – jistgħu jkunu nies fi ħdan il-familja tagħna, fil-komunità jew fil-parroċċa. Meta aħna jkollna qalbna mimlija gratitudni lejn Alla u lejn l-oħrajn, huwa hemm li jista’ jkollna tassew il-ferħ u l-paċi f’qalbna.

Il-ħamsin anniversarju

Illum hi okkażjoni speċjali ta’ gratitudni lejn Alla. Qegħdin niċċelebraw il-ħamsin anniversarju mill-inizjattiva sabiħa ta’ talb u adorazzjoni għall-qdusija tal-kleru. Hi okkażjoni ta’ ringrazzjament lil Alla ta’ din l-inizjattiva sabiħa li ħa Mons. Salv Grima, u permezz ta’ din l-inizjattiva ta’ talb, ta’ tant nies li ħadu sehem f’dan it-talb tul dawn il-ħamsin sena. Hi wkoll okkażjoni li aħna s-saċerdoti – u l-Knisja f’Malta kollha – nirringrazzjaw lilkom u lil dawk kollha li tul is-snin talbu għall-qdusija tas-saċerdoti u baqgħu jiltaqgħu regolarment b’mod kostanti biex jitolbu għall-qdusija tal-kleru. Aħna grati lejn Alla u lejkom.

L-aqwa ħaġa

Meta titolbu għall-qdusija tal-kleru, intom tfakkruna li dik hi l-aqwa ħaġa. Mhux aħna li nagħmlu lilna nfusna qaddisin, imma Alla li jqaddisna. Kif semma b’mod sabiħ ħafna Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu Ifirħu u Thennew: il-qdusija hi l-laqgħa tagħna midinbin mal-ħniena ta’ Alla li lilna jittrasformana bl-Ispirtu tiegħu. B’dan il-mod, f’ħajjitna nsiru nirriflettu lil Ġesù u nkunu nistgħu nibnu s-saltna tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum.

Intom titolbu għall-vokazzjonijiet, li huma tant importanti llum; imma titolbu wkoll għall-qdusija tas-saċerdoti – l-iktar ħaġa importanti għalina.

Permezz tat-talb tagħkom, intom tfakkruna li aħna lkoll midinbin imma maħfura minn Alla u li mimlijin bl-imħabba u bil-ħniena tiegħu nistgħu nkunu fil-ministeru tagħna strumenti denji tal-imħabba u l-paċi tiegħu.

Ministri ta’ Alla mhux tagħna nfusna

Bit-talb tagħkom, intom tfakkruna xi ħaġa importanti ħafna: li aħna ministri ta’ Alla u lilu rridu nxandru mhux lilna nfusna. Jekk aħna s-saċerdoti, fil-qadi tal-ministeru tagħna, niċċelebraw lilna nfusna, inwasslu lilna nfusna, nipproġettaw lilna nfusna, jekk insiru ċ-ċentru tal-attenzjoni biex jitkellmu fuqna u fuq l-idejat tagħna, hemmhekk ikollna aktar bżonn tat-talb tagħkom għalina għax inkunu qed nispostjaw l-attenzjoni minn fuq Ġesù għal fuqna.

Permezz tat-talb tagħkom tgħinuna biex qalb id-diffikultajiet u l-problemi, aħna qatt ma nċedu għall-qtigħ ta’ qalb, imma nkomplu bil-kuraġġ u l-qawwa nimxu ’l quddiem.

Marija l-isbaħ eżempju

Ħamsin sena ilu bħal-lbieraħ, f’ġurnata li fiha kienet tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Marija Omm Alla, beda t-talb għall-qdusija tal-kleru sewwasew f’din il-knisja parrokkjali ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni. Meta nħarsu lejn Marija, naraw fiha eżempju ta’ qalb mimlija gratitudni. Kif tirċievi il-messaġġ mingħand l-anġlu, taqsam dan ma’ Eliżabetta u hemm tfaħħar lil Alla u tgħid: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej…” Hi l-isbaħ eżempju għalina ta’ kif ngħixu ħajja ta’ gratitudni lejn Alla u kif naqsmu dan mal-oħrajn.

Illum nitolbu lil Marija biex bħala Omm tgħallimna kif ngħixu ħajja ta’ gratitudni lejn Alla u lejn l-oħrajn, u tkun l-isbaħ mudell għalina s-saċerdoti biex megħjuna bit-talb tagħkom, nistgħu nkunu tassew rgħajja skont il-qalb ta’ Alla.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju