Erba’ nisa minn ħames qaddisin ġodda.


​​Għada, il-Ħadd 13 ta’ Ottubru, minn ħames Qaddisin godda li ser jikkanonizza l-Papa Franġisku, erbgħa ser ikunu nisa.

Ma’ dawn hemm ukoll il-Beatu John Henry Newman. Wara li twieled u trabba f’familja Anglikana,  iż-żagħżugħ Newman sar Pastor Anglikan, imma biż-żmien beda jintebaħ b’sejħa ġo fih biex iħaddan it-twemmin Kattoliku, pass li huwa wettaq fit-8 ta’ Ottubru 1845.  Xi żmien wara huwa talab li jsir saċerdot u fit-12 ta’ Mejju 1879,  il-Papa Ljun XIII (tlettax) kien ukoll ħatru kardinal.

Newman kien kittieb rinomat sewwa u fil-kitbiet tiegħu huwa kien spiss jitkellem dwar ir-rwol importanti li kellu jkollhom il-lajċi fil-Knisja.  Fost dawn hemm il-kitba importanti tiegħu fil-ġażżetta Ingliza, The Rambler, u li fiha kiteb dwar li l-lajċi kellhom ikunu konsultanti mill-Knisja anke materji ta’ duttrina. Meta reġgħet ġiet mwaqqfa l-Knisja Kattolika fl-Ingilterra, f’nofs is-seklu dsatax, Newman mill-ewwel intebah li l-futur tal-Knisja Kattolika hemmhekk kien ser jiddependi minn lajkat preparat fis-sens sħiħ tal-kelma.

Mitt sena wara, il-Konċilju Vatikan II li kien mibdi mill-Papa Ġwanni XXIII (tlieta u għoxrin) u warajh tkompla mill-Papa Pawlu VI (sitta), kien wera kemm il-Kardinal John Henry Newman kellu raġun.

Newman kien ġie dikjarat Beatu f’Settembru tal 2010 (elfejn u ghaxra) mill-Papa Benedittu XVI (sittax) waqt Vjaġġ Appostoliku kien huwa kien għamel fl-Ingilterra.

Fiċ-ċerimonja ta’ għada, huwa u erba’ Beati Nisa, ser ikun dikjarat qaddisin u għalhekk imressqa quddiem il-Kattoliċi bħala xempji ta’ ħajja nisranija awtentika.

Il-funzjoni mmexxija mill-Papa Franġisku tibda fl-10.15 am (l-għaxra u kwart ta’ filgħodu u ser tixxandar live mill-video channel tal-Laikos fuq www.laikos.org.