Fettittli noħroġ ftit, għażiż ħija, wara ġimgħa intensiva ta’ xogħol f’Mater Dei. Fl-isptarijiet! Ħeqq! Hekk kien il-bżonn hux! U naħseb taf x’irrid ngħidlek b’daqshekk! L-isptarjiet! Fejn int, għażiż Patri Marċell, qattajt biċċa mhux ħażin minn ħajtek! Bħala Patri Kapuċċin. Il-Patri li, bħal San Franġisk missieru, aktar tkellem mill-eżempju ta’ ħajtu milli bil-paroli fin u anqas fin li joħroġ minn fommu.
Oh Patri Marċell! Kemm kien kbir u wiesa’ il-pulptu tiegħek! Fil-fatt, kien iħaddan fih, (almenu dejjem safejn naf jien), l-Indja u l-Kenja. Hemm! Dejjem għaddej! Taħdem bla ma tieqaf għall-ġid tal-Knisja, tal-Ordni u ta’ tant u tant erwieħ! Niftakar biss f’dan il-fatt emminni li jaqbiżli d-dmugħ! Għax int, għażiż Patri Marċell, kellek il-kuraġġ tkun missjunarju! U missjunarju kbir! Kellek il-kuraġġ li tiltaq kollox. U mhux tqis l-interessi personali tiegħek!
Għax int ħadt bl-akbar serjetà l-kliem għażiż li ħallilna Ġesù Kristu Sidna meta qal lill-appostli tiegħu, sewwasew ftit qabel tela’ s-sema: Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missieru ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien (Mt 28:18-20). Is-sabiħa hi li kulfejn il-Mulej bagħtek, permezz tas-superjuri tiegħek, int qatt ma bnejt xi imperu għalik. Jew fittixt li tagħmel isem għalik. Xejn minn dan! Anzi! Int dejjem wassalt l-imħabba tal-Mulej Ġesù, li lilu BISS u lil ebda persuna oħra, ma ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art! (Mt 28:18).
Kemm qed nifraħ bħal tifel żgħir li l-Mulej qed jagħtini grazzja li nfakkrek għażiż ħabib u ħija umli Patri Marċell! Kemm ilni nafek, tista’ tgħid f’dawn l-aħħar seba’ u għoxrin sena, dejjem nafek l-istess. Il-Patri sieket! Il-Patri umli! Il-Patri li aqta’ kemm tieħu gost fil-kumpanija tiegħu! Il-Patri li ma jmarrdekx bil-ġudizzji u l-paroli kontra ħutu. U lanqas bl-aggressjoni u l-arroganza li jkunu qed ifuru fih. Le! Lanqas xejn! Anzi! Int dejjem kont dak il-Patri dejjem lest biex jgħinek! U jfarrġek bis-skiet li joħroġ minn qalbu! Dak is-skiet li jfejjaq il-feriti u mhux idenni dawk li hemm diġà inkella jiftaħ oħrajn ġodda. Ma kont xejn ikkumplikat għażiż ħija! Ma kontx xi bużżieqa. Jew inkella captain trouble. Jew inkella xi ħadd li jikklassifika min hu dehen u mhux dehen. Qisu f’idejh għandu x-xettru tal-Missier Etern. Min jista’ jkollu x-xettru O Mulejja għajr Int, u Int BISS?
Kull min kien jitħaddet miegħek kien iħoss dak il-ferħ kbir u dak il-ħelsien li wieħed iħoss meta jaqra l-Kelma ta’ Alla, f’Salm 23: F’mergħat kollha ħdura jqegħedni. Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni; hemm hu jrejjaqni. Imexxini fit-triq tas-sewwa minħabba l-isem tiegħu. Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi. Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni… Int tħejji mejda għalija quddiem l-għedewwa tiegħi. Biż-żejt tidlikli rasi, u l-kalċi tiegħi tfawwarli. Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena l-jiem kollha ta’ ħajti. U ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj! (Salm 23:2-6).
U, ngħid jien, l-għaliex qalbek kienet tant siekta għażiż Patri Marċell? U mhux l-għaliex, bis-skiet tiegħek, int tant xegħelt ftejjel ta’ tama fi qlub mhux biss tal-Patrijiet ħutek imma ta’ ħafna u ħafna nies li kienu jafuk? Għax int, fis-sempliċità tiegħek, kont tħobb lil kulħadd. Mingħajr l-ebda distinzjoni. Għalik, kull persuna kienet, biex ngħid hekk, il-persuna li lilha għandha tingħatalha l-ħniena tal-Mulej! Kull persuna kienet unika għal imħabbtek. Ma kontx espert fis-selection! Lin-nies ma kontx tagħżilhom! Ma kontx taf tikklassifikahom! U lanqas tikkundannhom!
Għax f’qalbek, għażiż Patri Marċell, kellek ċar kliem Ġesù Sidek fuq Missierna tas-Sema meta qal: Smajtu x’intqal, ‘Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek.’ Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex. Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? M’hux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? M’hux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet (Mt 5:43-48).
Għalhekk, għażiż ħija Patri Marċell, ma nistax ma nammirax fik dan is-sens ta’ dedikazzjoni lejn kulħadd. L-aktar lejn il-morda! Kemm niftakrek taħdem b’imħabba kbira mal-morda! L-aktar mal-azjani! Żgur li l-ħlewwa tiegħek kienet ta’ balzmu kbir għalihom! Dik il-ħlewwa li kienet timliehom bil-ferħ u b’ħafna kuraġġ u tama! Dik il-ħlewwa li tibdel l-eqqel qrusa tal-ħajja u tagħmilha l-oħla togħma. Id-dedikazzjoni tiegħek għall-anzjani tagħna, rikoverati fid-Djar Residenzjali apposta għalihom, kienet żgur ta’ sostenn kbir għalihom. Int qatt ma kont iżżurhom fuq qalbek! Le! Int kont tifraħ tkun mal-għeżież anzjani tagħna! Għalhekk kienu jħobbuk u japprezzawk! Għax minnek kienu jirċievu l-akkumpanjament tant meħtieġ ta’ ħuhom u missierhom li żgur kont għalihom!
Ir-rikonoxxenza u l-istima u li kellek lejn ħutek il-Patrijiet u n-nies ta’ madwarek u, fuq kollox, lejn il-Mulej, għamlitek l-aqwa sajjied. Mhux biss tal-ħut, li tant kont taf tistagħad għalih, imma ukoll ta’ qlub il-bnedmin għal Kristu. Sal-aħħar bqajt tħalli l-Mulej jagħmel il-ġid bik! Saħansitra minn fuq is-sodda tal-mard tiegħek f’Mater Dei. Kemm inkoraġġejtni biex nissokta naħdem mal-morda fl-isptar u biex inkompli nqassam u nitlob il-Kurunella tal-Ħniena Divina man-nies! Għax int, Patri Marċell, la kont Patri umli ta’ Ġesù kont Patri tan-nies ukoll! Kif għandu jkun il-Patri Kapuċċin!
Fuq nota żgħira, kont tgħid li ma tismax. Imma ħej bniedem jisma’ bħalek qatt u qatt ma rajt u ltqajt f’ħajti għażiż Marċell! Għax int smajt billi għext b’reqqa kbira l-aqwa kmandament:
Qallu Ġesù: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.’ Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U it-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’ (Mt 22:38-39).
Gawdi issa fl-art Xemxija li fiha kbirt, għext u tqaddist biex bik il-Mulej qaddes tant u tant nies! L-art tas-Sema! Ħdejn ix-Xemx li qatt ma tgħib! Biswit is-Sajjied tas-sajjieda! U li lilu tant ħabbejt! Ġesù Kristu Sidna!
Patri Mario Attard OFM Cap