Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Eliżabetta tat-Trinità


Fit-8 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar lil Beata Eliżabetta tat-Trinità, Soru Karmelitana li għexet bejn is-snin 1880  sa 1906.

Hija twieldet filgħodu fit-18 ta’ Jannar 1880, f’kamp/sptar tal-militar, ladarba missierha kien Kaptan fl-Armata Franċiża. Missierha kien il-Kaptan Francois Joseph Catez u ommha, Marija Rolland. Tgħammdet nhar it-22 ta’ Lulju, fil-festa ta’ Santa Marija Maddalena u ġiet imsejħa Maria Ġużeppa Eliżabetta. Meta miet missierha, kellha 7 snin u dan ġegħelha taħseb fil-fond u fit-tul fuq l-eternità.

Il-karattru tagħha ma kienx wieħed faċli. L-istorja tagħha tgħidilna li kienet sensittiva, ta’ rasha u jitlagħlha malajr. Madankollu t-tifla kellha qalbha miftuħa beraħ. Tant hu hekk li meta seħħilha tagħmel l-ewwel qrara tagħha kienet determinata li tibda gwerra dejjiema kontra l-karattru diffiċli tagħha. Fil-kitbiet tagħha Eliżabetta ssejjaħ dan il-jum partikulari fil-mixja spiritwali tagħha bħala “il-ġurnata tal-konverżjoni tiegħi.” Hija baqgħet tissielet mal-karattru tagħha sal-età ta’ 19-il sena. Wara li rċeviet lil Ġesù għall-ewwel darba fit-Tqarbin Imqaddes Eliżabetta kellha l-grazzja żżur ma’ ommha l-Karmelu ta’ Dijon. Jumejn wara din iż-żjara l-Madre kitbitilha hekk liċ-ċkejkna: “Binti hemm misteru kbir moħbi wara ismek… inti jismek ‘Dar ta’ Alla.’ Hemm qegħdin jgħammru t-Tlieta li inti tħobb.” Minn hemm ‘il quddiem Sabeth, l-isem li bih kienet magħrufa Eliżabetta, bdiet mixja profonda ta’ għarfien ta’ din ir-realtà daqshekk kbira u ta’ sbuħija mill-aqwa.

Meta kellha 14-il sena bdiet tħoss l-istedina ta’ Ġesù li jgħarrasha miegħu. Kien hawn fejn Sabeth sabet ostakolu kbir: ommha. Dan il-fatt iżda ma gerrixx lil Sabeth milli tgħix ħajjitha b’serenità. Tant hu hekk li ssuktat timxi ‘l quddiem fil-mogħdija mużikali tagħha bħala pjanista. Ħilitha tant kemm kienet kbira li fuq fomm kulħadd kien hemm l-istess għajta: x’futur sabiħ kien hemm lest għal Sabeth! Sabeth kienet ukoll tagħti daqqa t’id fil-parroċċa fejn kienet tgħix permezz tat-tagħlim tal-Katekiżmu, id-daqq tal-orgni u l-organizzazzjoni taż-żgħażagħ.

L-affarijiet ħadu xejra differenti f’ħajjitha meta għalqet 21 sena. Kien f’din l-età li ommha ċediet u tatha l-barka tagħha biex tkun tista’ tidħol fil-Karmelu ta’ Dijon. Hija daħlet nhar il-Festa tal-Porzjunkola, jiġifieri nhar it-2 t’Awwissu, 1901. Sabeth libset il-libsa kkonsagrata Karmelitana nhar it-8 ta’ Diċembru tal-istess sena u s-superjuri tagħha tawha l-isem ta’ Swor Eliżabetta tat-Trinità. In-novizzjat għaliha kien mument ta’ prova kbira. Batiet fuq li batiet f’ruħha. Madankollu wara xitwa qalila tan-novizzjat hekk kif għamlet il-professjoni reliġjuża tagħha dehret b’mod tal-għaġeb għaliha rebbiegħa ta’ grazzji kbar. Aktar ma bdiet tikber fil-grazzja tal-Mulej aktar Eliżabetta bdiet tagħraf li s-sejħa tagħha fil-Knisja kienet ‘avvent ieħor’ li kellu bħala għan l-Inkarnazzjoni tal-Verb fl-erwieħ tal-bnedmin.

Is-sinsla tal-ħajja spiritwali tal-Beata Eliżabetta kienu l-kliem ta’ Ġesù fil-Vanġelu skont San Ġwann: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu” (Ġwanni 14:23). Bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla li fiha saret xmara ta’ ilma frisk u ħaj Eliżabetta bdiet tgħix ħajja mill-aktar maqgħuda mat-Trinità li kienet tħoss tgħix ġewwa fiha. Ta’ għalliema għarfa u umli li kienet Eliżabetta għaddiet it-teżor tal-esperjenza tagħha lil ħaddieħor. Eliżabetta kitbet mat-13-il meditazzjoni lil oħtha Margaret u semmiethom “Kif issib il-Ġenna fl-art.” Misjuqa mill-prijura tagħha Eliżabetta kitbet il-meditazzjonijiet li għamlet fl-aħħar irtir tagħha hawn fl-art.

F’Ġunju tal-1903 Eliżabetta tat bidu għall-kalvarju tagħha fl-art. Kien f’din is-sena li mardet bl-Addison Disease. Minkejja li kienet fl-eħrex tbatija fuq is-salib tal-mard tagħha Eliżabetta aktar issuktat titwaħħad ma’ Kristu Msallab. L-imħabba tagħha għalih wasslitha biex toffri tbatijietha għas-salvazzjoni tal-erwieħ u biex il-Knisja tissokta tissaħħaħ. Aktar ma Eliżabetta ngħatat lilha innifsha għall-Mulej permezz tal-offerta ta’ tbatijietha aktar bdiet tara l-grazzja tiegħu tfur minn ġo fiha għall-oħrajn. Il-grazzja tal-Mulej fiha tant kemm kienet qawwija li Eliżabetta bdiet issejjaħ lilha nfisha “Tifħir tal-Glorja.” Dan kien l-għan aħħari u ewlieni ta’ ħajjitha. U xtaqet li tkun hekk mhux biss fis-sema imma, u fuq kollox, minn din id-dinja stess!

F’Novembru, tal-1904 Eliżabetta, imnebbħa minn Alla Trinità, l-għaxqa ta’ dak kollu li hi, kitbet b’tant imħabba t-talba tagħha lit-Trinità. F’din it-talba ta’ Eliżabetta wieħed ma jistax ma japprezzax il-profondità tal-għaqda tagħha mal-qalba tal-misteru tal-fidi tagħna Nisranija. L-aħħar kliem li lissnet fuq din l-art huma xhieda ta’ kemm l-għaqda tagħha mat-Trinità kienet tassew profonda: “Sejra lejn id-Dawl, lejn l-Imħabba, lejn il-Ħajja.”

Eliżabetta marret fid-Dar ta’ Missierna tas-Sema nhar id-9 ta’ Novembru, 1906. Kien nhar il-25 ta’ Novembru, tal-1984 meta Eliżabetta tat-Trinità ġiet ibbeatifikata fil-Bażilika Vatikana flimkien ma’ José Manyanet y Vives u Daniel Brottier. Min jista’ jinsa l-kliem tassew sabiħ li ħarġu minn fomm San Ġwanni Pawlu II fl-omelija tal-beatifikazzjoni tagħha:

“Illum nippreżentaw lid-dinja lil din ir-reliġjuża klawstrali li għexet ħajja ‘moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla’ (Kolossin 3:3) l-għaliex hija xhieda imdawla tal-ferħ li wieħed ikun miżrugħ u msejjes fl-imħabba (Efesin 3:17). Hija tiċċelebra l-isplendur ta’ Alla l-għaliex għexet fil-qalba tal-preżenza tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u li fihom għarfet ir-realtà ħajja tal-imħabba bla tmiem” (nru.5).

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.